Join Us On:

News Archive

XOGĦOL TA’ MANUTENZJONI FIL-KAŻIN U T-TEATRU

Hekk kif bħalissa ninsabu kkonċentrati f’ħidma kontinwa li għandha twassalna għall-ftuħ tat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, fil-każin La Stella, kif ukoll fit-Teatru Astra li jifforma parti mill-istess kumpless għaddej xogħol ta’ manutenzjoni li għandu jitlesta qabel l-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra Rigoletto. 

Ix-xogħol jinkludi manutenzjoni tal-bini in ġenerali tal-każin. Fit-teatru mbagħad, hekk kif bħalissa għaddej ħafna xogħol fuq l-armar tal-palk bi preparazzjoni għall-opra, sar upgrading tas-sistema tal-elettriku ta’ fuq il-palk. Għaddej ukoll xogħol fuq il-protezzjoni tal-proprjetà u s-sistema tas-sigurtà tal-istess teatru.

Dan ix-xogħol ġie diskuss fl-aħħar laqgħat tal-kumitat ġenerali tas-Soċjetà, u qed ikun immexxi mill-membri tal-eżekuttiv u d-diretturi tal-każin. Huwa fl-interess tal-partitarji kollha u b’mod speċjali tal-amministrazzjoni tas-Soċjetà li nieħdu ħsieb darna li hija ġawhra mhux biss għal beltna, iżda wkoll għal gżiritna. Il-manteniment tal-proprjetà ta’ valur inestimabbli li għandha s-Soċjetà hi ta’ prijorità assoluta għall-kumitat ċentrali.

Intant, hekk kif fil-ġranet li għaddew ġiet imnedija s-sistema ta’ online booking għall-opra Rigoletto u l-attivitajiet l-oħra marbuta ma’ Festival Mediterranea, jidher li ġiet milqugħa tajjeb ħafna mill-pubbliku ġenerali u l-bejgħ tal-biljetti għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra għaddej b’ritmu tajjeb ħafna. Dan huwa sinjal ferm pożittiv, meta wieħed iqis l-ħidma kbira li saret biex din is-sistema bdiet titħaddem kif suppost, grazzi għas-segretarjat tas-Soċjetà, l-uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi tas-Soċjetà, u l-kumpanija Keen Advertising Ltd.