Join Us On:

News Archive

X’FESTA KELLNA!

Il-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ ġiet u marret għas-sodisfazzjoni ferm kbir ta’ kull membru tal-familja kbira Ġorġjana u tal-Istilla: kull parruċċan; kull bandist; kull membru fil-kumitat u sotto-kumitati fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella, kull Ġorġjan mill-kbir saż-żgħir…kulħadd! Iva għandna tassew għax inkunu sodisfatti b’dak li rnexxielna nwettqu għal sena oħra – bil-mod dinjituż kif iċċelebrajna din il-festa – il-festa prinċipali tal-gżira u mingħajr l-iċken dubju: l-aktar popolari!
 
Għal min kellu l-iċken dubju dwar dan, il-folol kbar li assistew għal dawn il-jiem ta’ ċelebrazzjonijiet kbar fil-belt Victoria huma prova ċara tal-popolarita’ li tgawdi din il-festa u hawn nirreferu kemm għaċ-ċelebrazzjonijiet interni kif ukoll dawk esterni. Kif ikkummentajna wkoll fl-aġġornamenti ta’ qabel matul l-ewwel jiem tal-festa, ħaġa partikolari li kkaratterizzat il-festi ta’ din is-sena kienu l-folol kbar li attendew mill-ewwel ġranet sa jum il-festa. Folol kbar għat-tiġrijiet tradizzjonali tal-festa; għall-kunċert grandjuż fil-bażilika; għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa; għall-erba’ dimostrazzjonijiet (waħda aqwa minn oħra); għal lejlet il-festa u nhar il-festa kemm filgħodu għall-pontifikal u għall-marċ popolari u brijuż u bla dubju għall-purċissjoni filgħaxija. 

Il-festa kienet suċċess minn kull lat; sew jekk huwa briju; baned; armar lussuż; nar tal-ajru u tal-art (din is-sena reġa’ lura fil-post oriġinali tiegħu – fil-parti t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika); tiġrijiet tal-bhejjem; pubblikazzjonijiet; ċelebrazzjonijiet fil-bażilika – kollox! X’ridna aktar! Dan is-suċċess iżda, huwa mertu ta’ kull min ta s-sehem tiegħu – ta’ dawk li kienu involuti direttament fl-organizzazzjoni tal-festa; ta’ kull min għen b’mod finanzjarju għal dawn il-festi; u ta’ kull min għoġbu jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet kbar Ġorġjani f’beltna. 

Sena wara oħra l-festa ta’ San Ġorġ qed tkompli tikber u dan grazzi għall-impenn ta’ ħafna li matul sena sħiħa u mhux fil-ġimgħa tal-festa biss jagħtu ħinhom u qalbhom biex ikabbru kull element li naraw fil-festa. Il-frott ta’ din il-ħidma narawh u mmissuh b’idejna f’dawn il-ġranet ta’ festa. Inħallukom issa tgawdu aktar ritratti mill-aħħar tlett ijiem tal-festa. F’dan l-aġġornament ser inwasslulkom sett ritratti tal-fotografu Joe Attard mid-dimostrazzjoni grandjuża tal-Ġimgħa. Fil-ġranet li ġejjin inkomplu nwasslulkom aktar ritratti taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet u nhar il-festa.