Join Us On:

News Archive

WIRJA DWAR VINCENZO MARIA CREMONA FIL-KAŻIN LA STELLA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tikkomemora l-artist tal-ewwel statwa tad-Dimostrazzjoni f’ Għawdex

Waqt l-attività Gozo Alive, ġewwa l-każin tal-Banda Ċittadina La Stella, fil-Belt Victoria, Għawdex, ser jkun hemm għal wiri kollezzjoni ta’ vari xogħol tal-istatwarju Vincenzo Maria Cremona (1851-1912). Din ser tittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ – f’Għawdex, li hi ċ-ċentru tal-festi esterni ta’ San Ġorġ kull tielet ġimgħa ta’ Lulju u li ukoll meqjusa bħala kapolavur tal-istess Cremona.

L-Għaqda Armar San Ġorġ Martri, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, kburija li b’għożża kbira tħaddan disgħa statwi, xogħol ta’ Vincenzo Cremona,  minbarra l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ. Għal din il-wirja s-Soċjetà  Filarmonika La Stella sabet il-kollaborazzjoni ta’ numru ta’ għaqdiet oħra  minn festi Għawdxin u Maltin, li għoġobhom jesebixxu statwi xogħol ta’ Cremona, propjetà tagħhom. L-Għaqdiet li ser jieħdu sehem huma is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina taż-Żurrieq, il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi, il-Grupp tal-Armar Marija Bambina tan-Naxxar, Għaqda Armar Festa Titulari ta’ Ħal Għaxaq, Għaqda tal-Pawlini A.D. 1970 tal-Belt Valletta u l-Għaqda Armar 2 ta’ Settembru 1973 tax-Xagħra. Ser ikun hemm sehem ukoll tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri tal-Belt Victoria u l-Knisja ta’ Lapsi ta’ San Ġiljan. Il-Wirja ser tiġbor fiha ukoll għadd ta’ ritratti antiki tal-istatwa ta’ San Ġorġ kif ukoll informazzjoni dwar l-istatwarju nnifsu.

Il-ftuħ uffiċjali ta’ din il-kollezzjoni ta’ arti tal-artist Vincenzo Maria Cremona ser issir nhar il-Ħamis 2 ta’ Mejju mill-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana. L-esebizzjoni ser  tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 5 ta’ Mejju.  Din l-inizjattiva mtella’ mis-Soċjeta Filarmonika La Stella flimkien mal-Għaqda Armar San Ġorġ Martri qed issir bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti – Kommunitajiet Kreattivi u l-Ministeru għal Għawdex.

Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru l-paġna fuq Facebook Soċjetà Filarmonika La Stella.

IMG_2210

UPDATE (5/5/19): Xi ritratti waqt il-ftuħ tal-wirja

wirja poster new[7087]