Join Us On:

News Archive

WEBSITE ĠDIDA GĦALL- “FRIENDS OF LA STELLA”

L-għaqda “Friends of La Stella – Canada” għadhom kif bnew website ġdida mimlija informazzjoni u ritratti dwar il-komunità Ġorġjana fil-Kanada. Din il-website li saret fuq inizzjattiva tal-ħabib u benefattur John G. Borg ġiet ‘launched’ ftit tal-jiem ilu. John George Borg huwa r-rappreżentant tas-Soċjetà tagħna fil-Kanada, u ta’ kull sena jkun fostna speċjalment fil-jiem tal-festa ta’ San Ġorġ, li hija tant għal qalbu. Għal numru ta’ snin is-sur Borg kien ukoll id-direttur tal-assoċjazzjoni li tieħu ħsieb il-festa ta’ San Ġorġ li ssir fil-Kanada fost l-emigranti Maltin u l-Għawdxin. Kienet ukoll fuq inizzjattiva tiegħu li sena ilu nħadmet statwa ġdida (ara ritratt) ta’ San Ġorġ Martri, kopja ta’ l-istatwa titulari li nsibu fil-bażilika tagħna. Din l-istatwa ttieħdet ġewwa l-Kanada biex tintuża fil-festi li jsiru f’ġieh San Ġorġ ġewwa Toronto. L-istatwa llum tinsab ġewwa l-knisja ta’ St. John Fisher fi Brampton. Il-festa Ġorġjana ta’ din is-sena ġewwa l-Kanada ser issir fl-20 ta’ Settembru, ġewwa St. John’s Hall, Mississauga u bħala mistieden speċjali ser ikun hemm ukoll l-Arċipriet tal-parroċċa tagħna Mons. Paul Cardona. F’din il-festa tieħu sehem ukoll il-Malta Band Club li tesegwixxi diversi marċi popolari Maltin u innijiet Ġorġjani.

Min-naħa tagħna nixtiequ nawguraw kull suċċess lil ħutna l-emigranti Ġorġjani, b’mod speċjali lill-ħabib tagħna John G. Borg li kulħadd jaf kemm jaħdem b’risq il-festa Ġorġjana li ssir ġewwa l-Kanada. Aħna nħeġġukom biex iżżuru dan is-sit li huwa www.lastellacanada.ca u ħallu l-kummenti tagħkom lill-ħbieb tagħna li jinsabu fil-Kanada.