Join Us On:

News Archive

TISLIMA LILL-PROF. JOSEPH VELLA FL-ANNIVERSARJU TAL-MEWT TIEGĦU

Dalgħodu s-Soċjetà Filarmonika La Stella sellmet il-memorja tal-Prof. Joseph Vella waqt attività mużikali u kommemorattiva fil-Każin La Stella ġewwa l-Belt Victoria fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju mill-mewt tiegħu.  L-attività bdiet permezz ta’ introduzzjoni tas-Sur Nathaniel Attard segwit b’biċċa mużikali Apres un Reve ta’ Gabriel Faure bis-sehem ta’ George Camilleri fuq l-euphonium u Francis Camilleri fuq il-pianoforte.  Wara kompla s-Sur Attard billi qasam mal-udjenza noti dwar il-ħajja u l-karriera tal-Prof Vella.  Kien imiss għal indirizz minn iben il-Prof. Joseph Vella, is-Sur Alan Vella, tkellem dwar kemm hija importanti r-rabta bejn missieru u s-Soċjetà Filarmonika La Stella, liema kommunità huwa sejjaħ bħala “it-tieni dar tagħhom”.

Il-programm kompla bis-sehem tal-kor tat-tfal Piccole Stelle taħt it-tmexxija ta’ Ms Sylvana Attard.  It-tfal kantaw medley  mill-ktieb Tfal Maltin Ikantaw, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella.  Dritt wara ġiet esegwita Preghiera di mattino, di sera, di notte, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, bis-sehem ta’ George Camilleri fuq l-euphonium, Robert Buttigieg fuq il-kurunetta u Francis Camilleri fuq il-pianoforte.  Fl-aħħar tas-serata għamel  indirizz lill-udjenza il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella s-Sur Michael Formosa.  Waqt id-diskors tiegħu s-Sur Formosa kkonferma kemm il-Prof Joseph Vella jibqa persuna importanti fis-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Tant hu hekk li waqt l-istess diskors huwa ħabbar li s-sala l-ġdida tal-banda li se tkun qed tinbena fix-xhur li ġejjin hemm il-ħsieb li tissemma “Sala Professur Joseph Vella”.

Matul din l-attività, s-Soċjetà Filarmonika La Stella kienet onorata bil-preżenza tas-Sinjura Nathalie Vella , is-Sur Alan Vella u s-Sur Nikki Vella.  Kien hemm preżenti wkoll  il-President attwali s-Sur Michael Formosa kif ġa ġie msemmi qabel, is-Surmast Direttur Dr John Galea, is-Segretarju s-Sur Matthew Zammit, il-Viċi President Dr Chris Mizzi kif ukoll bosta membri tal-kumitat.  Attendew ukoll il-presidenti preċedenti tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, s-Sur Paul M Cassar , is-Sur Paul Zammit u s-Sur Dolindo Cassar, bandisti, s-Sur Anton Tabone u bosta ħbieb.