Join Us On:

News Archive

TIBQA’ GĦAL DEJJEM F’QALBNA

Għaddiet sena – sena mill-jum li fih il-Mulej għoġbu jsejjaħ għal ħajja ta’ dejjem lil saċerdot maħbub: Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ, prelat ta’ l-unur tal-Qdusija Tiegħu l-Papa u direttur spiritwali tas-Soċ. Filar. La Stella. 

Wara diversi ġimgħat fl-isptar San Luqa, il-Ħamis 27 ta’ Settembru fis-sagħtejn neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, Dun Salv għadda għall-ħajja eterna. L-aħbar ħasdet mhux biss lill-komunita’ Ġorġjana, iżda lil Għawdex kollu! Is-sit uffiċjali tas-Soċjeta’ tagħna kien minn ta’ l-ewwel nett li ta l-aħbar. Mons. Salv Borg jibqa’ għal dejjem f’qalbna, f’qalb kull partitarju ta’ l-iStilla, f’qalb kull Ġorġjan, f’qalb kull Għawdxi. Il-poplu Għawdxi ta l-aħħar tislima lil Mons. Borg nhar it-30 ta’ Settembru, funeral li għalih attendew folol kbar, bis-sehem tal-banda ċittadina u dekana La Stella li sellmet lid-direttur spiritwali tagħha bid-daqq ta’ marċi funebri fosthom dak dedikat lilu, kompożizzjoni tas-surmast Joseph Vella.  Mill-glorja tal-ġenna Dun Salv jinsab ferm qrib il-qaddis patrun ta’ gżiritna San Ġorġ Martri li bħalna lkoll huwa tant ħabb u minn hemm fuq huwa qed jitlob għall-komunita’ tagħna. F’dan l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ dan is-saċerdot, ħassejna li għandna nsellmu l-memorja tiegħu b’siltiet mill-orazzjoni funebri f’ġieħu, minn Mons. Ġużeppi Farrugia arċipriet emeritu tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.

                                                                                       *            *            *

…Il-mewta tiegħek, Dun Salv, kienet il-mewta tal-qaddisin.  Għax il-qdusija għext int bħala Kristjan, bħala qassis membru bikri tal-Moviment b’Risq il-Qdusija, bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa, predeċessur meqjum tiegħi, suċċessur indenn tiegħek.

Inti fittixt il-qdusija f’ħajtek, Dun Salv.  Fittixt, imma, mhux dik il-qdusija tal-geddum twil u awto-kundannatorja tal-Fariżew li jiftaħar li hu aħjar mill-Pubblikan.  Lanqas ridt dik il-qdusija awto-emottiva, sfortunatament tant popolari f’ċerti ċrieki tal-Knisja tagħna, li twarrad f’mumenti partikulari bħaż-żerriegħa li tikber f’salt imma li għeruqha jkunu ħfief u malajr tinxef għax tkun illużorja u mumentarja.

Il-qdusija li kont tfittex int, Dun Salv, kienet dik iddettata mir-raġuni tal-fidi, sobrja għax taf li mġarrba bħall-inbid f’ġarar tal-fuħħar, ordinarja f’għajnejn min kien jafek, imma vera, umli u ambizzjuża biex tilħaq il-massimu tal-perfezzjoni.  Kif?  Permezz tat-talb regolari u l-meditazzjoni assidwa, permezz ta’ l-ispirtu ferrieħi u l-eżempju t-tajjeb, permezz ta’ l-ubbidjenza lejn l-isqof u l-għaqda tiegħek mal-Knisja, permezz tal-ġenerożità saċerdotali tiegħek f’din il-komunità Kristjana u fid-djoċesi kollha ta’ Għawdex, permezz tal-lealtà tiegħek lejn San Ġorġ u lejn ir-realtà misterjuża ta’ din il-parroċċa maħbuba, u permezz ta’ l-imħabba tiegħek magħna u għalina l-Ġorġjani.

Meta inti fuq is-sodda tal-mewt tennejt għal bosta drabi “Ikun li trid int”, inti ma kontx tlissen kelmiet l-attur tal-palk miktuba għalih biex jagħtihom dehra ta’ verità, imma kont qed tesprimi l-verità tal-ħajja tiegħek.

Għalhekk bkejniek u qed nibkuk.  Għax bil-mewt tiegħek il-verità, fi gżiritna, ta’ saċerdozju Kattoliku għaqli, ħanin, fiduċjuż fl-oħrajn, ferrieħi, razzjonali, umli u ħanin safa ltim.

…Għalhekk sa tibqa’ miftakra l-preżenza tiegħek fost il-membri ta’ l-Azzjoni Kattolika u tas-Soċjetà tad-Duttrina Kristjana, l-istudenti tiegħek fis-Seminarju Minuri, it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ l-Oratorju Don Bosco u tal-Victoria Scout Group, ħutek fil-moviment Pro Sanctitate, is-seminaristi tad-djoċesi u – ikolli ngħid, xi tridni nagħmel – is-supporters tal-Milan, li tant ferrħuk meta għamluk president onorarju tal-Milan Supporters Club.  Hawnhekk biss ma konniex niftehmu!

Iva, sa tibqa’ miftakra l-preżenza tiegħek ta’ tagħlim u divertiment tajjeb f’tant djar permezz tal-programmi tiegħek fl-RTK u f’Leħen il-Belt Victoria – ir-radju tal-komunità tal-parroċċa tagħna, permezz tal-kompożizzjonijiet letterarji li ppreżentajt fuq il-palkijiet tat-Teatru Astra, l-Oratorju, l-Azzjoni Kattolika u s-Seminarju, u fi kważi l-knejjes parrokkjali kollha ewlenin ta’ Malta u Għawdex, fejn il-kapaċità straordinarja tiegħek għall-predikazzjoni mbuttatek biex tilqa’ kull sejħa biex tgħallem u tfaħħar lill-Mulej fil-Verġni Mbierka u fil-qaddisin tiegħu.

M’għandix dubju li fil-mument tas-sejħa l-kbira li għamillek Binha Ġesù, li qed niċċelebraw illum, l-imqaddsa verġni Marija, li taf kemm fuq din l-art inti għożżejtha fil-qalb ta’ qalbek u x’kotra kbira ta’ devoti ħadtilha f’Lourdes biex iżuruha, laqgħetek b’idejha miftuħa u għannqitek magħha bl-imħabba li ssaffi kull nikta.

Jistax ikolli… jistax ikollna dubju kif laqgħek San Ġorġ!  Hawnhekk, jekk s’issa ġelben ma’ ġbinna dmugħ ta’ niket, jixref f’għajnejna d-dmugħ tal-ferħ.  Għax inti issa qiegħed ma’ San Ġorġ.  Tistax qatt tkun għalina l-ġenna għamara barranija ladarba hemm imsebbaħ fiha Ġorġi: qed jistenniena, imxennaq għalina li nħobbuh, imġennen biex jifraħ bina bħalma feraħ u qed jifraħ b’missirijietna!

Arċipriet, inti dejjem għidt li min m’hux Ġorġjan ma jista’ qatt ikun jaf xi jfisser tkun Ġorġjan… xi jfisser tkun tħobb lil San Ġorġ u tkun tħobb lil din il-knisja, personifikazzjoni tal-fidi Kristjana ta’ poplu mnebbaħ mill-misteru ta’ San Ġorġ, imħares minnu u merfugħ bih.  Imma int, jiena, u l-kotra l-kbira tal-poplu Kristjan miġmugħ hawnhekk biex jagħtik it-tislima tiegħu f’dan il-mument solenni tal-ħajja tiegħek, nafu xi jfisser tkun Ġorġjan, u nitolbu biex min dan ma jafux ikollu l-grazzja li jitgħallmu.

Għażiż Monsinjur Arċipriet, jiena… aħna, l-ulied spiritwali ta’ din il-parroċċa għażiża, nistqarru b’solennità li nibqgħu ngħożżu t-tagħlim u l-eżempju tiegħek fostna.  Bħalek, quddiem il-Missier, intennu l-kelmiet: “Ikun li trid int”, u miegħek, fil-ħeġġa għall-qdusija, nistinkaw biex ngħixuhom.

Fl-imħabba tiegħek għal Ġesù, sofferenti fuq is-salib u rebbieħ fuq il-mewt, inġeddu l-imħabba tagħna.
 
Fir-rabta ta’ lealtà tiegħek lejn il-Knisja nġeddu r-rabta tagħna mal-papa, l-isqof u s-saċerdoti tagħna.

Fil-kuntentizza tiegħek bħala Għawdxi, bħala iben il-belt Victoria u bħala Ġorġjan, inġeddu l-ferħ li għandna għall-identità tagħna.

Fl-ammirazzjoni tiegħek lejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li tagħha kont tant kburi li inti direttur spiritwali, inġeddu l-ammirazzjoni tagħna.

Fis-servizz tiegħek f’din il-parroċċa Ġorġjana bħala iben spiritwali tagħha, bħala saċerdot, bħala kanonku tal-kolleġġjata, bħala arċipriet u ragħaj ta’ l-erwieħ, bħala benefattur, aħna, saċerdoti u lajċi, inġeddu s-servizz tagħna, servizz li llum hu meħtieġ ħafna aktar mill-bieraħ li ma jmurx li nitilfu identità li writna, skola li għallmitna, dar li tferraħna, ħolqa li tgħaqqadna flimkien u isem – l-isem ta’ San Ġorġ – li jsebbaħna.

Iva, għażiż Arċipriet, fl-imħabba tiegħek lejn San Ġorġ, il-Martri l-Kbir, inġeddu llum quddiemek l-imħabba tagħna.
 
 
Siltiet mill-Orazzjoni funebri f’ġieħ
Monsinjur Salv Borg,
arċipriet emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ, 
Prelat ta’ l-Unur tal-Qdusija Tiegħu
u direttur spiritwali tas-Soċ. Filar La Stella

minn
Mons. Ġużeppi Farrugia

Bażilika San Ġorġ, il-Ħadd 30 ta’ Settembru 2007