Join Us On:

News Archive

TIBDA L-PREPARAZZJONI GĦALL-PROGRAMM TAD-9 TA’ ĠUNJU

Nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju, 2007, fil-belt Victoria ser jiġi ċċelebrat JUM IL-BELT VICTORIA. Għal din l-okkażjoni ż-żewġ baned ċittadini ġew mistiedna biex itellgħu programm mużikali fi Pjazza Indipendenza. Fi tmiem il-ġimgħa, il-banda ‘La Stella’ bdiet il-preparazzjoni tagħha għal dan il-Programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Joseph Vella. Wara l-Programmi tat-23 t’April u dak tas-6 ta’ Mejju, il-banda mill-ġdid tinsab impenjata biex nhar id-9 ta’ Ġunju ttella’ programm ieħor ta’ kalibru, li għalih hija ferm magħrufa l-banda ‘La Stella’.

F’dan il-programm il-banda ser tesegwixxi tliet siltiet mużikali ferm impenjattivi, li huma: Selection ta’ l-Opera ‘La Traviata’ ta’ Giuseppe Verdi, ‘Marcia Slava’ ta’ Pyotr Ilyich Tchaikovsky, u ‘In Omaggio’ mill-pinna ta’ Joseph Vella, s-surmast direttur ta’ din il-banda. Fil-ġranet li ġejjin, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jżuru dan is-sit, sejrin nagħtu ħarsa dettaljata lejn is-siltiet mużikali magħżula għal dan il-Kunċert.

Barra l-preparazzjoni għal dan il-Programm, il-banda qed tħejji wkoll għar-rekording tal-marċi festivi fl-okkażjoni tal-festa f’ġieh il-Patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri. Ir-rekording mistenni jsir fil-bidu ta’ Ġunju, fit-Teatru Astra. Fl-aħħar Ħadd ta’ dan ix-xahar, jibdew ukoll il-festi f’Għawdex, l-ewwel festa tkun dik tal-Munxar f’ġieh San Pawl Nawfragu. Dan ir-raħal huwa marbut sew mas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’. Għal darb’oħra, f’din il-festa, il-banda ġiet mistiedna biex nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju, tagħmel marċ u programm mużikali fil-pjazza tar-raħal. Barra minn hekk, il-banda ser issellem il-ħruġ ta’ l-istatwa titulari, bid-daqq ta’ l-innu l-kbir, kompożizzjoni oħra tal-Prof. Joseph Vella.