Join Us On:

News Archive

TEMPJU TA’ ĠMIEL BI STORJA TA’ ĠMIEL AKBAR

Il-lum il-belt Victoria tifraħ fil-Jum tad-Dedikazzjoni tat-tempju ewlieni tagħha: il-bażilika ta’ San Ġorġ. Mibnija fil-qalba ta’ beltna, bi storja li tmur lura fis-snin iżjed minn dik ta’ kull maqdes ieħor lokali tal-fidi tagħna, imma li twettaq il-preżent li qed ngħixu daqskemm ankrata hi l-ġrajja tagħha fil-medda taż-żminijiet imbiegħda, il-knisja protoparrokkjali u arċimatriċi ta’ San Ġorġ illum, 21 ta’ Settembru, tfakkar l-anniversarju tad-Dedikazzjoni, jew Konsagrazzjoni, tagħha lil Alla.
 
U mal-bażilika Ġorġjana jifraħ Għawdex kollu, fi spirtu ta’ għaqda ekkleżjali imma wkoll b’sens ta’ dmir li jsib għeruqu f’nislu, xħin jilmaħ il-glorja dan it-tempju mibni lil Alla f’ġieħ il-qaddis protettur ta’ din id-djoċesi. Daqskemm ħaj fl-istorja jibqa’ l-lum, San Ġorġ tagħna, ċentru ta’ fidi u kultura li ħaqqu, mhux b’titlu imma b’mertu, it-tifħir kollu li qala’ minn dawk li messew miegħu u thennew bih. Din il-binja, li f’dan il-jum għażiż il-Liturġija mqaddsa tiċċelebra l-konsagrazzjoni tagħha lil Alla, hi tabilħaqq “spettaklu ta’ fidi ħajja u mħabba mkebbsa, u glorja tagħni ta’ ġmiel li ma jista’ jiċħadha ħadd”. Min jaf x’ferħ ħassew missirijietna ħamsin sena ilu meta raw il-maqdes tagħhom, ikkonsagrat xi mitejn sena qabel, jingħata ġieħ hekk glorjuż bħal dak ta’ bażilika mill-papa Piju XII!
 
Kien l-isqof ta’ Malta Fra Pawlu Alpheran de Bussan, fi żmien meta Għawdex kien għadu anqas ħolom għall-ewwel darba l-idea ta’ djoċesi, u meta għalhekk il-binja aktar qadima tal-knisja parrokkjali “tal-Ħaġar” kienet aktarx l-unika għajn li minnha setgħu jixorbu l-fidili tal-gżira, li kkonsagra l-knisja ta’ San Ġorġ mibnija f’nofs il-belt il-qadima ta’ Għawdex, fil-21 ta’ Settembru 1755. Il-knisja kienet ilha mibnija mill-1678, l-iġded waħda fuq binjiet eqdem qabilha u l-ewwel waħda f’Għawdex f’forma ta’ salib Latin, b’faċċata mill-isbaħ imfassla mill-aqwa mgħallem ta’ dak iż-żmien, Vittorio Cassar. Kif għamel dejjem il-poplu Għawdxi hu fittex l-aħjar għall-parroċċa tiegħu, u l-“kapijiet tal-gżira” wkoll issieħbu miegħu, fi żminijiet inqas sbieħ u aktar diffiċli, biex iżejnu l-knisja tagħhom bl-isbaħ ġmiel. U hekk seħħ sa żmienna, meta l-knisja kompliet titkabbar għall-“glorja ta’ ġmiel li ma jista’ jiċħadha” li hi l-lum. Kif setgħu niesna ma joħorġux l-aħjar minn buthom għal dik li l-istorja tathom b’ommhom: omm fil-fidi u għalhekk tabilħaqq fonti miftuħ ta’ grazzja mis-sema?
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, ewliena fl-istorja bħall-istess knisja, rabtet ħajjitha ma’ dan it-tempju; u hu għalhekk li l-lum titkabbar fuq quddiem fost dawk li jaħdmu bla ebda interess biex jarawh mogħti l-aqwa ġieħ. Hu ġieħ mogħti lil Alla, li jesprimi ruħu f’lingwa li aħna lkoll nifhmu għax tgħallimnieha saħansitra qabel tgħallimna nsejħu lil ommna “Ma”; din il-lingwa hi San Ġorġ. “Bħal għarusa bil-ġawhar imżejna” hi l-knisja ta’ San Ġorġ, nissiela ta’ mħabba u mgħallma tal-fidi, fidila fl-istorja lejn dak li tirrappreżenta, minjatura sinifikanti, anzi essenzjali, tal-Knisja lokali. Għalhekk jistħoqqilha bla dubju l-isem naturali ta’ “Parroċċa ta’ Għawdex”, applikat għaliha b’tant għaqal mill-istoriku għaref Pawlu Mizzi. Dan m’hux titlu li tħabtet għalih imma stat ta’ fatt li tixhdu l-istorja. Minn qalb dawk il-ġebliet, imqiegħda waħda fuq oħra b’għaraq ġbin missirijietna, ħarġet l-għajn ta’ l-ilma tal-grazzja, li baqgħet dejjem tnixxi għall-Għawdxin, anki fiż-żminijiet koroh li raw lill-knisja parrokkjali tagħhom imċaħħda minn dak li hu tagħha, tul “Unjoni” maħsuba malizzjożament biex tużurpaha minn ġidha, ġid il-poplu.
 
Is-solennità tal-253 Anniversarju tad-Dedikazzjoni tal-bażilika ta’ San Ġorġ qed niċċelebrawha wkoll f’din is-Sena Pawlina, donnu biex ma ninsewx kif il-fidi ta’ ġensna, fidi li waslitilna permezz ta’ l-Appostlu fis-sena 60 wK, inżergħet u kibret f’dan l-istess post fejn diġà fis-seklu tmienja għandna x’nifhmu li San Ġorġ kien meqjum fit-tempju tiegħu, fil-qalba ta’ kult imxerred mill-Biżantini, li okkupaw il-gżejjer tagħna fis-sena 533.
 
Nifirħu llum, mela, u jifraħ Għawdex kollu, għax dan it-tempju għadu fostna biex jibqa’… sinjal tanġibbi fl-istorja tar-rebħa kollha ġmiel tal-fidi vera fuq kull għadu ħajjen tagħha.

21/09/2008