Join Us On:

News Archive

TEATRU ASTRA U BOV INIEDU FESTIVAL MEDITERRANEA 2014

22.09.2014 - BOV - Teatru Astra Festival Mediterranea launch (1)

Teatru Astra bl-għajnuna tal-BOV għandu l-pjaċir iħabbar it-13-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, b’serje ta’ kunċerti u avvenimenti bejn it-23 ta’ Ottubru u l-24 ta’ Novembru 2014.  Festival Mediterranea hu attrazzjoni unika, u hu l-uniku festival tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin. Dan jikkombina flimkien l-elementi ta’ kultura għolja u l-produzzjoni ta’ opra Taljana, mingħajr ma jitħalla barra l-element tradizzjonali.

L-edizzjoni tal-Festival ta’ din is-sena tnediet uffiċjalment f’konferenza stampa indirizzata mill-Onor. Dr Edward Zammit Lewis, Ministru għat-Turiżmu, John Cassar White, Chairman tal-BOV, Michael Formosa, Chairman ta’ Festival Mediterranea, u l-Prof. Mro Joseph Vella, Direttur Mużikali tal-Festival.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis, waqt konferenza tal-aħbarijiet għat-tnedija tat-13-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, laqa’ dan l-avveniment li jinvolvi ċelebrazzjoni ta’ kultura, arti u mużika.  Il-Ministru saħaq kif dawn l-avvenimenti li jseħħu f’Ottubru u Novembru jgħinu biex ikattru kemm it-turiżmu u l-ekonomija fil-gżira Għawdxija fl-hekk imsejħa ‘shoulder months’.  Il-Ministru Zammit Lewis wera l-apprezzament tiegħu lill-voluntiera tax-xogħol siewi tagħhom u temm billi faħħar l-inizjattiva tajba li torbot b’sinerġija mal-ħidma politika tal-Gvern biex inkomplu nattiraw turisti ta’ kwalità.

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta John Cassar White tkellem dwar l-importanza ta’ programm ta’ din ix-xorta li  jarrikkixxu l-kultura tagħna.  “L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea timmarka t-13-il anniversarju, u aħna kburin ngħidu li l-Bank of Valletta ilu jagħti sehmu b’riżq din l-inizjattivà sa mill-ewwel edizzjoni.  Il-Festival huwa element kruċjali fit-tisħiħ tal-kalendarju kulturali tal-gżejjer Maltin u rajnieh jikber gradwalment minn sena għall-oħra.  Il-qasam kulturali taħt il-programm ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva tal-Bank ikompli jistimula l-ekonomija lokali, għax dan il-Festival, mifrux fuq medda ta’ xahar sħiħ, joħloq attività f’dak iż-żmien tas-sena meta l-attività turistika f’Għawdex tkun l-aktar baxxa.  Aħna kuntenti li qed niffurmaw parti minn din l-istorja ta’ suċċess”, qal is-Sur Cassar White.

Michael Formosa, iċ-Chairman tal-Festival, osserva li l-interess li qed iqajmu dan il-Festival u l-Opra fiċ-ċrieki artistiċi lokali u internazzjonali qed ipoġġi lit-Teatru Astra fuq l-istess livell ta’ wħud mill-aqwa teatri fil-bliet Ewropej.  Hu esprima rikonoxxa għall-ħidma ta’ għadd kbir ta’ voluntiera involuti fil-ħidma artistika, teknika u amministrattiva tal-Festival, u speċifikament tal-Opra.  Għalaq billi qal li “it-Teatru Astra, waqt li hu grat ħafna lejn is-sapport vitali ta’ bosta entitajiet u l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-Istat, xorta għadu jqis li l-element volontarju, minkejja l-isfidi kbar tal-lum, hu fattur essenzjali li jagħmilha possibbli għas-Soċjetà Filarmonika La Stella li tidħol għal avventuri fuq skala hekk kbira”.

Miriam Cauchi Otello 2013

JMJ_9062 - Copy JMJ_9134 JMJ_9090 - Copy

Il-Prof. Joseph Vella semma li Nabucco hi kapulavur ta’ bel canto minn solisti u fl-istess ħin festa korali.  Hu spjega li din hi opra stupenda li għal darb’oħra sa tkun fost l-aqwa attrazzjonijiet fit-tradizzjoni ta’ eċċellenza li issa saret sinonima mat-Teatru Astra, b’kast fantastiku ta’ solisti, sapport korali formidabbli, kollha fl-ambitu tas-settijiet u x-xenarju impekkabbli li issa mdorrijin naraw.  Dan kollu hu garanzija ta’ serata operistika li wieħed jibqa’ jiftakar.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, anki din id-darba l-qofol tal-Festival hu l-produzzjoni tal-opra wisq maħbuba ta’ Verdi, Nabucco, bis-sehem tal-baritonu Piero Terranova fir-rwol prinċipali, flimkien mas-sopran Silvia dalla Benetta (Abigaille), il-baxx ta’ fama dinjija Carlo Colombara fir-rwol ta’ Zaccaria, u t-tenur lokali Cliff Zammit Stevens li sa jkun qed jiddebutta fil-gżejjer tagħna f’parti prinċipali f’opra, bħala Ismaele.  Il-baritonu Malti Louis Andrew Cassar sa jkanta l-parti tas-Saċerdot il-Kbir, waqt li s-sopran Għawdxija Dorienne Portelli għandha l-parti ta’ Anna.  L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta sa tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Vella, Direttur Artistiku tal-Festival u tat-Teatru Astra.  L-Opra sa tittella’ għall-pubbliku darbtejn, il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru, fis-7.30pm.

 Carlo Colombara Cliff pp photo 10616112_843205472369875_4750663027157510975_n

Avveniment ieħor mużikali sa jittella’ bis-sehem ta’ tnejn mill-aqwa mużiċisti Għawdxin, Mario Galea (klarinett) u George Camilleri (ewfonju).  It-tnejn huma membri tal-Banda La Stella.  Huma se jagħtu kunċert nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru fil-Kempinski San Lawrenz Resort and Spa fis-7.30pm, waqt li l-Ħadd 2 ta’ Novembru, il-La Stella Brass Ensemble, flimkien mas-solisti tagħha, sa tagħti kunċert ta’ mużika klassika u semi-klassika fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, fit-8.00pm.  Il-Ħadd 9 ta’ Novembru, l-organista magħruf Malti Dr Hugo Agius Muscat sa jagħti kunċert fuq l-orgni Setteċentesk tal-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Dan jibda fit-8.00pm.  Il-Kunċert Annwali Grandjuż tal-Banda Ċittadina La Stella, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, sa jittella’ s-Sibt 15 ta’ Novembru fit-Teatru Astra, fis-7.30pm.

JMJ_9816

Barra l-medda varjata li joffri l-Festival f’dik li hi mużika, hemm appuntamenti oħra kulturali li wieħed għandu jinnota.  Fost dawn wieħed isib dawra ggwidata mal-Mużew Il-Ħaġar, flimkien ma’ żjara lill-Bażilika ta’ San Ġorġ, immexxija minn Dr Paul George Pisani, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru f’nofsinhar, waqt li Mark Sagona, wieħed mill-kritiċi tal-arti ewlenin f’pajjiżna li għadu kemm issottometta t-teżi dottorali tiegħu fl-Arti, ser imexxi tour, nhar il-Sibt 8 ta’ Novembru, fid-9.00am, dwar The Lure of Rome: On the Trail of Italian Art in Gozo 18501950.  Is-Sibt 1 ta’ Novembru, fl-10.00am, il-Prof. Victor Mallia Milanes sa jagħti taħdita fil-Mużew Il-Ħaġar dwar The Order of the Hospital in 1630, waqt li l-kritiku tal-opra u studjuż Dr Abraham Borg sa jagħti taħdita interessantissma bit-tema Nabucco – A Break from Traditional Melodrama, fis-Sala tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, is-Sibt 25 ta’ Ottubru, fl-10.00am.

Id-dramm famuż ta’ John Patrick Shanley, Doubt, sa jittella’ fit-Teatru Astra, nhar is-Sibt u l-Ħadd 23 u 24 ta’ Novembru, fis-7.00pm.  Id-direzzjoni hi ta’ Mario Tabone.

IMG_1099

Matul il-perjodu tal-Festival sa jittellgħu wkoll erba’ wirjiet: Gozo in Philatelic Art, wirja prestiġjuża ta’ disinni fuq il-bolli ta’ Malta, li ħa tittella’ minn Maltapost f’kollaborazzjoni ma’ Festival Mediterranea; A Broken Life, wirja ta’ pitturi u inċiżjonijiet minn Hermine Anna Sammut; u wirja ta’ tifkiriet b’rabta mal-Ewwel Gwerra Dinjija, f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tar-Residenti Ingliżi.  Dawn it-tliet wirjiet sa jkunu fil-Mużew Il-Ħaġar.  Min-naħa l-oħra, Richard England, wirja ta’ pittura mill-Prof. Richard England, sa tkun esebita fl-Art … e Gallery.

It-Teatru Astra għandu wkoll is-support mill-Gvern Malti permezz tal-Cultural Partnership Agreement.

Biex wieħed jirriserva post jew jixtri xi biljetti, għandu jikkuntattja l-uffiċċju tal-Festival bin-numri 21550985 jew 79256897, inkella bl-email [email protected] Is-sit elettroniku tal-Festival, www.mediterranea.com.mt, jagħti l-aħħar aġġornamenti kemm fuq l-Opra u kemm fuq il-Festival.

IMG_1098

 

(Ritratti mill-opra Otello, 2013 – Joe Attard)