Join Us On:

News Archive

“TA’ L-ISTILLA”: IL-ĦARĠA T’AWWISSU

Għadha kif ġiet ippubblikata l-ħarġa t’Awwissu tar-rivista uffiċjali tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’: “TA’ L-ISTILLA”. Din ir-rivista (ħarġa numru 28) tqassmet lill-parruċċani kollha tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, fi tmiem il-ġimgħa. Bħalma għamilna f’dawn l-aħħar snin, ir-rivista kienet kollha kemm hi ddedikata lill-festi prinċipali li ċċelebrajna f’beltna f’ġieħ il-kbir martri San Ġorġ. Ir-rivista ta’ tnax-il paġna kienet tinkludi 8 paġni b’aktar minn 40 ritratt tal-fotografu Joe Attard, kollha bil-kulur. Il-qoxra turi lill-istatwa titulari tal-patrun ta’ beltna San Ġorġ (ritratt: Joe Attard) flimkien mal-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’, li tat sehem impekkabbli tul il-jiem tal-festa.

Flimkien mar-ritratti li juru l-isbaħ mumenti tal-jiem ewlenin tal-festa, insibu l-artiklu prinċipali li din id-darba ġab l-isem “POPLU IN FESTA”. Dan l-artiklu deher ukoll fuq dan is-sit fil-ġranet li għaddew. L-editorjal ġab l-isem “338 JUM IEĦOR” u l-istess bħall-artiklu prinċipali ta ħarsa dettaljata lejn il-festi kbar li ċċelebrajna f’beltna fix-xahar ta’ Lulju. It-titlu jindika n-numru ta’ ġranet li fadal għall-festa li ġejja, nhar id-19 ta’ Lulju 2009. Il-bord editorjali mmexxi minn George Apap, ħaseb biex f’din il-ħarġa jinkludi wkoll tislima xierqa lil Anton Vella (Dalli), membru fil-kumitat tas-Soċjetà tagħna għal dawn l-aħħar 42 sena li ħalliena fil-ġimgħa tal-festa. L-artiklu b’tislima lil Anton Vella ġie miktub min-neputi tiegħu Joe Borg. Flimkien ma’ dan l-artiklu ppubblikajna wkoll numru ta’ ritratti mill-funeral tiegħu li sar nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju.

Dawk li għal xi raġuni jew oħra ma rċivewx kopja ta’ din il-ħarġa għandhom jikkuntattjaw lil xi membru tal-bord editorjali jew tal-kumitat, jew inkella tikkuntattjawna permezz ta’ l-email [email protected]

18/08/2008