Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS GĦAL GEORGE APAP F’DAMASKU

George Apap, membru tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u wieħed mill-klarinettisti solisti tagħha, kien wieħed mir-rappreżentanti ta’ Malta fit-Tmintax-il Inkontru tal-Iskejjel tal-Mużika fil-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran.  George esegwixxa xogħlijiet tal-kompożitur Brittaniku Gerald Finzi u tal-Professur Joseph Vella. Kien il-Prof. Vella infatti li għażel lil George bħala membru tad-delegazzjoni Maltija.

Il-XVIII° Rencontre des Écoles de Musique de la Méditerranée
jsir kull sena u hu organizzart mill-ECUME, akronimu għal “Échanges Culturels en Méditerranée”, assoċjazzjoni għal “exchanges” kulturali bejn mużiċisti tal-Mediterran. Il-festival li din is-sena ġie organizzat fil-High Institute of Music f’Damasku sar bejn l-14 u d-19 ta’ Novembru 2009 u George kien wieħed minn erba’ mużiċisti Maltin. Il-membri l-oħra tad-delegazzjoni kienu Ian Peter Bugeja; Giselle Grima u Elizabeth Leonardi.

Normalment il-Prof. Vella jakkumpanja d-delegazzjoni imma din is-sena dan ma setax jagħmlu minħabba l-impenji li kellu f’Festival Mediterranea, u b’mod partikolari l-kunċert sinfoniku mill-Banda La Stella li tagħha hu s-surmast direttur. Għalhekk il-Prof. Vella ħatar lil George Apap bħala Kap tad-Delegazzjoni. Dan kien ifisser li George kellu d-dmir li jattendi għal laqgħat u konferenzi flimkien ma’ mexxejja ta’ delegazzjonijiet oħra mill-għoxrin skola oħra rappreżentati. Fost il-mexxejja kien hemm dekani u professuri ta’ diversi konservatorji tal-mużika.

Minbarra s-Sirja u Malta, ħadu sehem mużiċisti minn konservatorji u skejjel tal-muzika minn Franza, il-Greċja, l-Italja, it-Turkija, l-Albanija, il-Ġordan, l-Eġittu, il-Qatar u l-Palestina.

Minbarra l-esekuzzjoni tal-kompożizzjonijiet li ntlaqgħu b’suċċess kbir, George attenda wkoll master classes ma’ Daniel Paloyan tal-Università ta’ Provence, fi Franza. Kellu wkoll l-opportunita’ li jiltaqa’ mal-Ministru tal-Kultura tas-Sirja Dr. Riyad Naasan Agha, fil-Ministeru tal-kultura li jinsab fil-belt ta’ Damasku. 

Kienet opportunità straordinarja għal George Apap biex jagħmel kuntatti ma’ mużiċisti bħalu u ma’ professuri u kapijiet ta’ diversi skejjel tal-mużika. Magħhom tkellem dwar il-mużika u t-tagħlim tagħha f’pajjiżna u l-“festivals” li jigu organizzati hawnhekk, fosthom il-Victoria International Arts Festival. Dan il-festival hu magħruf minn diversi parteċipanti f’ECUME li diġà pparteċipaw fih. Iċ-ċellist Athil Hamdan (Dekan tal-High Institute of Music f’Damasku), mis-Sirja, kien wieħed minn dawn u ser jerġa’ jipparteċipa fl-edizzjoni li jmiss li tibda f’Ġunju 2010.

Nifirħu lil George Apap li qed jagħmel unur mhux biss lilu nnifsu imma wkoll lis-Soċjetà Filarmonika La Stella.