Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS MILL-GRUPP FOLKLORISTIKU ASTRA

folk1 airport BEFORE LEAVING MALTA

Il-Grupp Folkloristiku Astra għadu kemm irritorna mill-Ġermanja fejn ħa sehem fil-ħamsin edizzjoni tal-Festival Folkloristiku Internazzjonali f’Bitburg, li ttella’ bejn il-11 u l-15 ta’ Lulju 2014, fejn kien l-ewwel grupp Għawdxi li qatt ħa sehem f’dan il-festival internazzjonali.

Kien suċċess minn kull lat, kemm bil-wirjiet li ta l-Grupp Folkloristiku Astra bil-kant, żfin u mużika tiegħu quddiem udjenzi kbar fuq il-palk u waqt l-isfilata; u kemm bil-mawriet li għamel fl-ibliet ta’ Dusseldorf, Cologne, Trier u f’postijiet interessanti f’Bitburg stess, fosthom fil-Mużew tal-Birra Bitburger.

Matul dan il-festival, il-Grupp Folkloristiku Astra ta diversi spettakli folkloristiċi Maltin mir-repertorju vast tiegħu, u kull fejn ta l-wirjiet tiegħu ġie milqugħ b’applawsi kbar mill-udjenza numeruża preżenti.  Kien mistieden ukoll mill-management ta’ bank rinomat f’Bitburg biex jagħti spettaklu folkloristiku waqt il-preżentazzjoni tal-awards tal-bank stess.  Kliem ta’ tifħir għall-Grupp kellu wkoll is-Sindku tal-lokal, Joachim Kandels, li flimkien mad-direttur tal-festival esprima s-sodisfazzjon li għall-ewwel darba kellhom fosthom grupp folkloristiku minn Għawdex li l-udjenza tant ħadet gost bih.  Il-Grupp ippreżenta diversi rigali ta’ tifkira kemm lis-Sindku, kemm lill-organizzaturi, u kemm lil kull grupp li ħa sehem, b’kollox 32 grupp, fosthom gruppi mill-Belġju, il-Bosnija Herzegovina, il-Bulgarija, Franza, l-Ingilterra, il-Litwanja, il-Messiku, l-Olanda, il-Filippini, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ġermanja.  Bosta gruppi kienu qed jisimgħu b’Malta u Għawdex għall-ewwel darba.  Rigal ta’ tifkira li żgur il-Grupp Astra ħa gost jippreżenta kien il-kwadru ta’ San Ġorġ Martri lis-Sindku Joachim Kandels, wara s-sehem li ta fil-Quddiesa tal-Ħadd fil-knisja Kattolika ta’ Liebfrauen.

Permezz ta’ dan il-festival, il-Grupp Folkloristiku Astra mhux biss ferraħ lil dawk preżenti bil-wirjiet spettakulari tiegħu, imma kien qed jirreklama lill-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni turistika interessanti.  Dan għamlu wkoll permezz tat-tqassim ta’ flyers imħejjija apposta b’messaġġ mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo, u bi stand b’diversi posters, brochures u souvernis dwar il-gżejjer Maltin.  Kien festival fejn il-Grupp Folkloristiku Astra għamel isem mhux biss għal Malta u Għawdex imma għas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria, Għawdex, li tagħha jifforma parti.

Ma setax jonqos li waqt dan il-festival, il-Grupp Astra ma jiċċelebrax ukoll mal-Ġermaniżi fir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja, li t-tim nazzjonali Ġermaniż rebaħ fil-Brażil.  Kienet esperjenza sabiħa u li mhux lakemm wieħed jinsa malajr, meta l-Grupp Astra kellu post riservat għalih taħt it-tinda fejn sar il-festival stess, biex seta’ jsegwi l-logħba bil-kumdità, fuq skrin kbir u f’atmosfera ta’ ferħ flimkien ma’ aktar minn elfejn ruħ.

Il-Grupp Folkloristiku Astra jixtieq jirringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura, u Gvern lokali, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Visit Gozo, J. Portelli Projects, Downtown, Fliegu Restaurant, Ta’ Marija Farmhouse, UDS, El Dorado Restaurant, Ta’ Rapa, Granola, Playpen, Ċima Restaurant, Sunrise Pet & Garden Centre, Da Manuel Restaurant, Meylak Jewellers, Rapa Property for Sale, u Trackless Train Tours, għas-sapport li taw lill-Grupp biex seta’ jieħu sehem f’dan il-festival.

Prosit, Grupp Folkloristiku Astra, għax erġajtu għamiltulna unur mal-barranin.  Veru ambaxxaturi denji ta’ pajjiżna!

 

airport BEFORE LEAVING MALTA folk1 DSC_0510 (3) (800x533) WITH OTHER GROUP LITWANJA DSC_0507 (3) (800x533) GROUP PHOTO AT BITBURG DSC_0350 (800x533) DSC_0302 (3) (800x533) GROUP EXCURTION TRIER DSC_0274 (800x533) DSC_0274 (2) (533x800) COLOGNE DSC_0250 (800x533) 1 GROUP WITH MTA TABLE BITBURG DSC_0038 (800x533) BANK SHOW PRESENTATION 1 DSC_0028 (2) - Copy (800x533)