Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS KBIR BL-OPRA AIDA

It-tielet produzzjoni tal-AIDA mit-Teatru Astra kienet suċċess kbir, kemm ir-rappreżentazzjoni tal-Ħamis li għadda kif ukoll tal-bieraħ filgħaxija. Huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li fid-darbtejn it-Teatru kien ippakkjat bin-nies, anke jekk it-temp ma tantx kien wieħed favorevoli.

Is-suċċess mistħoqq huwa frott ta’ ħafna xogħol li jsir matul is-sena kemm minn naħħa artistika kif ukoll minn dik amministrattiva.   Is-suċċess ma jaqax waħdu mis-sema, imma jirrekjedi impenn u dedikazzjoni b’ħafna sagrifiċċji.  Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-kollettiv li jagħti r-riżultat mistħoqq, bi gruppi ta’ nies li jaħdmu flimkien, fil-maġġoranza tagħhom fil-ħin liberu tagħhom u fuq bażi ta’ volontarjat.

L-opra Aida fit-Teatru Astra paxxiet l-għajn u l-widnejn.  L-aspett viżiv u dak mużikali kienu ta’ livell għoli ħafna.  L-atti magħrufa tal-Aida, li ċertament hija waħda mill-kbar ta’ Verdi, ħolqu atmosfera ta’ grandjożità li għandha tagħmel kburin mhux biss lil dawk involuti fil-produzzjoni imma liċ-ċittadini tal-Belt Victoria u l-Għawdxin kollha.

Bħalma jistgħu jixdhu dawk li attendew is-solisti fl-AIDA kienu tajbin ħafna. Xi wħud minnhom ġa kantaw f’opri oħra ġewwa l-istess teatru filwaqt li oħrajn ħadu sehem għall-ewwel darba.  Prosit speċjali jmur lid-direttur artistiku Enrico Stinchelli li għal darba oħra ikkombina tajjeb diversi ideat teknoloġiċi ġodda filwaqt li żamm dak li huwa essenzjalment tradizzjonali tal-opra.  Ma jistax jonqos prosit speċjali wkoll lill-Prof. Joseph Vella li mexxa l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.  Naturalement kieku jkollna nsemmu l-kulħadd ma nispiċċaw qatt imma wieħed irid jgħid grazzi lil membri tal-Kor tat-Teatru Astra, u t-timijiet tax-xenarju, tad-dwal, tal-kostumi, tal-headwear, tal-props u l-backstage, tal-booking office, pubblikazzjonijiet u siti eletroniċi, tal-indafa tas-swali, ritratti u l-amministrazzjoni.  Grazzi wkoll imur lil dawk l-entitajiet li jgħinu finanzjarjament biex produzzjoni bħal din tkun tista’ ssir.

Min hawn nagħmlu appuntament għal dak li ċertament se tkun suċċess operistiku ieħor fl-2017… Lucia di Lammermoor.

Link għall-Cast tal-Aida

Ritratti: Joe Attard