Join Us On:

News Archive

STATWA ĠDIDA TA’ ĠESU’ MARBUT MAL-KOLONNA

Fil-jumejn li għaddew dawk kollha li żaru l-bażilika ta’ San Ġorġ, setgħu jammiraw statwa ġdida li ser issib postha mas-sett tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira – l-eqdem purċissjoni fi gżiritna. Din l-istatwa ta’ Ġesu’ marbut mal-kolonna, ser tieħu post statwa oħra replika ta’ waħda aktar antika li llum tinsab fil-knisja katidrali, u li kienet tintuża fl-uniku purċissjoni ta’ beltna, dik mill-bażilika Ġorġjana.

Din l-istatwa, kapulavur imnaqqax fl-injam tal-artisti Għawdxin Michael u ibnu Adonai Camilleri Cauchi, hi parti minn proġett ambizzjuż imniedi tliet snin ilu mill-kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira fi ħdan il-parroċċa, bil-għan li jkun hemm sett wieħed komplut ta’ statwi li jkun jikkumplimenta mal-kurċifiss ferm devot – kapulavur ieħor fl-injam maħdum fl-1848 mill-artist Belti Pietru Pawl Azzopardi, l-istess artist li snin qabel ħadem l-istatwa artistika ta’ San Ġorġ Martri.

L-istatwa ta’ Ġesu’ marbut mal-kolonna hija t-tieni proġett, wara x-xogħol li sar fuq l-istatwa l-ġdida ta’ Ġesu’ fl-Ort tal-Ġetsemani. Għal din l-istatwa ġew maħduma mill-ġdid wiċċ u idejn Kristu, flimkien mal-anġlu, peress li l-bqija tal-istatwa hija mlibbsa. L-istatwa l-ġdida turi l-figura mill-aktar dettaljata ta’ Ġesu’ waqt li kien qed jiġi msawwat, marbut ma’ kolonna għolja. Din il-kolonna ġiet maħduma fl-injam minn Ino M. Attard.

L-istatwa issa reġgħet ittieħdet lura fl-istudios tal-artisti Camilleri Cauchi biex jitkompla x-xogħol fuqha, qabel tiġi inawgurata u mbierka nhar is-Sibt 16 ta’ April, waqt il-kunċert ta’ mużika sagra mill-banda ċittadina La Stella, fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Aktar dettalji fuq dan l-avveniment fil-ġranet li ġejjin.

Photos: Joe Attard