Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU KBIR WAQT ROCKASTRA

Is-sitt edizzjoni tal-kunċert RockAstra, imtella’ mill-Banda Ċittadina La Stella tal-Belt Victoria, kien suċċess enormi fejn l-udjenza tpaxxiet mhux biss bil-mużika magħżula, imma wkoll bil-viżwal ta’ dwal, projections kif ukoll spettaklu ta’ nar. Il-kunċert sar fi Pjazza Indipendenza quddiem folla kbira ta’nies.  Dan il-kunċert, li issa daħal sew fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex, sar wieħed mill-attivitajiet ewlenin tal-Banda Ċittadina La Stella. Huwa kien parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria, imtella’ mill-Kunsill tal-Belt Victoria, kif ukoll parti mill-weekend speċjali organizzat mill-Ministeru għal Għawdex bit-tema Gozo Pops and Rocks.  Il-pubbliku qiegħed japprezza ferm il-livell milħuq minn dawk parteċipi u xhieda ta’dan hija l-attendenza numeruża li kull sena toħnoq kull kantuniera tat-toroq jew pjazza fejn isir.

Il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud li m’ għandu bżonn ebda introduzzjoni.  Kien hu li beda dan il-kunċert sitt snin ilu biex b’hekk il-banda tagħna żiedet ġeneru ta’ mużika ġdid mar-repertorju mużikali tagħha.  F’dan il-kunċert partikolari ħadu sehem kantanti Maltin bħal Chris Grech, Julie Zahra, Lara Dimech, Klinsmann u Kenneth Calleja, kif ukoll żewġ kantanti Għawdxin bravissimi, Francesca Sciberras u Jolene Samhan.  L-għażla ta’ mużika għal din l-okkażjoni kienet tajba ħafna u nkludiet siltiet tal-Queen, Andrew Lloyd Webber, Lucio Dalla, The Beatles u ħafna oħrajn.  Il-qofol intlaħaq meta s-surmast Mifsud daqq bħala solista bit-trumpet silta mużikali mill-isbaħ, kompożizzjoni ta’ Mro Aurelio Belli.  Is-serata kienet ippreżentata minn Carlo Borg Bonaci.

Serati bħal dawn jirrekjedu sagrifiċċji kbar kemm min-naħa tal-bandisti tagħna kif ukoll mid-diriġenti.  Ħafna nies jagħtu ħinhom għal ġimgħat sħaħ bl-iskop ewlieni li jkomplu jżidu s-suċċess tal-banda tagħna.  Dawn in-nies jimmerithom kull tifħir u gratitudni.  Serati bħal dawn pero’ ma jsirux kieku ma jkunx hemm l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, il-Ministeru għal Għawdex u bosta entitajiet kummerċjali privati.

Matul is-serata, il-Banda Ċittadina La Stella kienet onorata bil-preżenza ta’ numru sabiħ ta’ persuni distinti fosthom is-sindku uxxenti Dr Samuel Azzopardi u dak elett is-Sur Josef Schembri, membri oħra tal-kunsill lokali, il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella s-Sur Michael Formosa u membri tal-kumitat, membri parlamentari, is-Surmast Direttur tal-Banda Ċittadina La Stella Dr John Galea, l-Arċipriet Mons. Joseph Curmi, is-Sur Paul M Cassar, is-Sur Nicky Vella iben il-mibki Prof Joseph Vella, u diversi uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex.  Il-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana ma setgħetx tattendi għal din is-serata imma kienet xorta waħda rappreżentata minn uffiċjal tal-ministeru tagħha.

Ma hemmx dubju li dan il-kunċert se jibqa’ mfakkar u żied ġawhra oħra mal-kullana ta’suċċessi tal-banda tagħna.