Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU KBIR MINN ZOO U MORENA FIT-TEATRU ASTRA

Nhar is-Sibt li għadda, fit-teatru Astra ttella’ spettaklu ieħor mill-grupp teatrali ZOO bl-isem ta’ “Zoo goes neigbours”. Għal dan l-ispettaklu kellna wkoll bħala mistiedna lir-rebbieħa tal-GO Malta Song for Europe 2008, Morena – kantanta Għawdxija li għamlet l-ewwel dehra tagħha f’teatru f’Għawdex wara r-rebħa tagħha f’dan il-festival prestiġjuż. Għall-grupp komiku ZOO din kienet is-seba’ darba li rajniehom fit-teatru tagħna, iżda għal Morena din kienet l-ewwel darba.

Spettaklu kbir li għalih attendiet folla enormi li mliet it-teatru kollu bil-palketti b’kollox kif kien mistenni. Fost l-udjenza kien hemm ukoll numru kbir ta’ Maltin li waqt li kienu għal btala fi gżiritna għażlu li jiġu jaraw dan l-ispettaklu. Din id-darba ZOO afdaw f’idejn iż-żgħażagħ ta’ l-armar tas-Soċjetà tagħna biex jarmaw u jibnu x-xenarju li kien hemm bżonn għal dan l-ispettaklu. Dan ix-xenarju, issa ser jinġarr lejn Malta fejn aktar tard dan ix-xahar l-istess spettaklu ser jittella’. Dan huwa ċertifikat ieħor għas-Soċjetà tagħna u għal dawn iż-żgħażagħ li jaħdmu bla qies tul is-sena kemm fejn jidħol armar għall-palk, kif ukoll għall-armar tal-festa titulari.

Kif semmejna qabel, minbarra l-ispettaklu ta’ ZOO, din id-darba kellna x-xorti nilqgħu fostna wkoll lill-kantanta Għawdxija Morena li kantat il-kanzunetta li biha ser tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest f’Mejju li ġej – il-kanzunetta ‘Vodka’ kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Gerard James Borg. Barra din il-kanzunetta li ntlaqgħet ferm tajjeb mal-pubbliku preżenti li applawda b’mod kontinwu tul l-ispettaklu, Morena kantat ukoll kanzunetti oħra fosthom il-kanzunetta ‘Casanova’ li biha wkoll ħadet sehem fil-finali tal-GO Malta Song for Europe 2008.

Kien unur għalina li Morena aċċettat l-istedina tagħna biex tieħu sehem f’dan l-ispettaklu ġewwa t-Teatru Astra. Aħna min-naħa tagħna nixtiequ nawguraw lil din il-kantanta kull suċċess minn qalbna fil-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision Song Contest li ser isir f’Mejju li ġej ġewwa s-Serbia.

It-Teatru Astra wara erbgħin sena mill-ftuħ uffiċċjali tiegħu jibqa’ teatru ħaj, mill-aktar attiv u bl-akbar numru ta’ produzzjonijiet fi gżiritna. Fil-fatt, wara dan l-ispettaklu minn ZOO u Morena, għada jkun imiss produzzjoni oħra lokali – il-musical ‘Cindy’ imtella’ mill-istudenti ta’ l-iskola sekondarja Agius de Soldanis tal-belt Victoria.

photos: JOE ATTARD