Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU KBIR FI PJAZZA SAN ĠORĠ

Nhar il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2007 tela’ mill-ġdid is-separju kulturali fuq l-ewwel attività artistika fi ħdan l-għaxar edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival. Din is-sena, kif diġà semmejna jumejn ilu, qegħdin jiġu mtella’ sensiela ta’ kunċerti li jkopru kull aspett mużikali li wieħed jippretendi li jiltaqa’ u jinnamra magħhom waqt festivals ta’ dan il-livell. U għalhek mhux ta’ b’xejn li din l-ewwel serata bis-sehem brillanti tal-Versatile Brass Ensemble ġie milqugħ minn pjazza mballata bin-nies, b’mistednin distinti fosthom l-Arċipriet Mgr Ġużeppi Farrugia, l-Onor Anton Tabone, Speaker tal-Kamra u s-Sinjura Tabone u s-Sindku tal-Belt Victoria s-Sur Robert Tabone.

Il-mistednin ingħataw merħba mid-direttur artistiku tal-festival, il-professur Joseph Vella fejn dan esprima l-entużjażmu kbir u disinteressat tal-kumitat tiegħu fil-preparazzjoni ta’ festival ta’ dan il-kobor u prestiġju. Mro.Vella għaldaqstant ħa l-okkażjoni sabiex jirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw is-sehem tagħhom sabiex dan il-festival jikseb is-suċċess mixtieq tiegħu u wkoll jkompli jgħolli ’l fuq isem il-Belt tagħna. Huwa żied li din is-sena kien ser ikun hemm partiċipanti minn bosta pajjizi u fosthom u għall-ewwel darba f’Għawdex, kor Ġappuniż. Dan il-kor kien sema’ bil-festival proprju fil-Ġappun stess u kienu huma li wrew ix-xewqa li jieħdu sehem fil-festival ta’ Għawdex. Għalhekk wieħed għandu wkoll iħossu onorat li isem il-festival tagħna wasal saħansitra sal-Ġappun!!

Intant, taħt sema kwiekeb u f’arja fantastika li jaf joffri t-temp ħlejju tas-sajf Għawdxi, il-Versatile Brass Ensemble offrew kunċert per eccellenza, siltiet li jieħduk fil-passat ta’ l-istorja mużikal. Smajna siltiet bhal ‘New York, New York’ ta’ Glen Miller, ‘Peter Gunn’ ta’ Mancini, ‘Zorba the Greek’ ta’ Theodorakis u ‘YMCA’ tal-Village People, insomma, siltiet li ma jmutu qatt, siltiet li ħaduna fi vjaġġ mużikali li wieħed ma jixtieqx li jintemm, siltiet mimlija armonija u nostalgija tal-passat, siltiet mirquma li kienu interpretati bi professjonalità eċċellenti minn dawn il-mużiċisti bravi. Wara kollox, nissellef frazi mill-ktejjeb ta’ tifkira li għadu kemm ġie ppublikat fejn jingħad li l-“mużika u l-imħabba biss ifarrġu qalb maqsuma”.

Mhux ta’ b’xejn li d-direzzjoni tal-Victoria International Arts Festival għażlet li tiftaħ dan il-festival b’dan il-grupp versatili. Il-mużika tagħhom fawwret Pjazza San Ġorġ, xenarju naturali għal spettaklu artistiku u mużikali. J’Alla l-istess kumitat jkompli jaħseb u jintroduċi aktar serati ta’ din ix-xorta, serati li jiġu tant milqugħa tajjeb meta jsiru fil-beraħ u fit-temp sajfi tagħna.

Ta’ min jgħid prosit kbir tal-Festival Programme li kien qiegħed jiġi ppreżentat waqt din l-ewwel serata inawgurali. Kemm il-materjal kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktejjeb ta’ informazzjoni u tifkira juri kemm dan il-kumitat jieħu bis-serjetà dak kollu li jistkenn taħt l-umbrella artistika tiegħu.

Intant, illejla narawkom għal kunċert ieħor mill-aqwa ġewwa l-bażilika ta’ beltna mill-kor “Primavera” mill-Ġappun. Titilfuhx!!

ritratti: Joe Attard