Join Us On:

News Archive

SKEMA SPEĊJALI GĦALL-ISTUDENTI

Studenti ta’ kull età jistgħu jgawdu minn prezzijiet imraħħsa b’mod qawwi li qed joffri t-Teatru Astra għall-produzzjoni tal-opra Turandot li se ssir iktar tard dan ix-xahar.
 
It-Teatru Astra qed iniedi din l-iskema speċjali bil-għan li jħajjar studenti jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-produzzjoni tal-opra u biex anke l-istudenti jkunu jistgħu jesperjenzaw dan il-ġeneru kulturali fis-sbuħija kollha tiegħu. Permezz ta’ din l-iskema, it-Teatru Astra jrid jagħti l-kontribut tiegħu biex f’Malta tinħoloq ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ li huma wkoll isiru japprezzaw u jħobbu dan il-ġeneru tant imfittex mill-Maltin. Dan ir-roħs speċjali jistgħu jgawdu minnu studenti ta’ kull età li qed isegwu kwalunkwe kors f’Malta jew f’Għawdex.
 
L-iskema toffri 200 biljett fuq bazi ta’ first-come first-served għall-ewwel serata tal-opra li se tkun il-Ħamis 23 ta’ Ottubru. Il-prezz tal-biljetti ġie mraħħas b’mod qawwi mill-prezz originali ta’ €40 għal €10 kull student, filwaqt li f’każ li persuni adulti jkunu se jakkumpanjaw l-istudent, huma wkoll jistgħu jgawdu minn offerta speċjali ta’ roħs ta’ 25% għall-prezz ta’ €30.
 
Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz tan-numru tat-telefon 2155 0985 jew l-indirizz elettroniku [email protected].
 
Il-produzzjoni operistika tat-Teatru Astra Turandot tinvolvi s-sehem ta’ kantanti stabbiliti u rinomati fix-xena internazzjonali fosthom is-sopran Taljana Francesca Patanè fil-parti prinċipali. Jinkludi wkoll lis-sopran Għawdxija Miriam Cauchi fil-parti ta’ Liù u t-tenur Taljan Antonino Interisano fil-parti ta’ Calàf. Il-partijiet ta’ Ping, Pong u Pang se jiġu interpretati minn Marco Chingari, Giovanni Maini u Davide Malandra rispettivament filwaqt li l-baxx Franco de Grandis se jkanta l-parti ta’ Timur. Kevin Caruana għandu l-parti tal-Mandarino filwaqt li Mario Portelli hu l-Imperatur Altoum.
 
Turandot tinvolvi wkoll is-sehem tal-Kor tal-Opra Teatru Astra taħt id-direzzjoni tad-direttriċi tal-kor Dr Maria Frendo. Il-Prof. Mro Joseph Vella se jidderieġi l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali filwaqt li d-direttur teatrali Taljan Mario Corradi għal darb’oħra, ser jieħu ħsieb il-produzzjoni operistika mil-lenti teatrali.
 
Turandot hi l-attività ewlenija tas-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Għal-lista sħiħa tal-attivitajiet organizzati żur is-sit www.mediterranea.com.mt.