Join Us On:

News Archive

SKEMA SOĊI 2013

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella mill-ġdid qed tniedi s-sejħa għall-ġbir u t-tiġdid tas-soċi tagħha għal din is-sena. Bħala soċju, filwaqt li tkun qed tagħti l-kontribut tiegħek fil-ħidma tas-Soċjetà, int tkun ukoll qed tibbenifika minn għadd ta’ inċentivi u opportunitajiet li jinkludu sussidji, u sehem aktar attiv fis-Soċjetà.
Il-pern tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, ovvjament, hija l-banda. Il-Banda La Stella hija bħal mutur li jaħdem sena sħiħa. Is-servizzi tal-banda ma jillimitawx ruħhom biss għall-istagun tal-festi, meta l-banda tkun mistiedna tagħmel marċi u programmi mużikali fil-festi Għawdxin. Imma dak mhux kollox ! Is-Soċjetà La Stella tiffinanzja t-tagħlim tal-mużika lill-alljievi, inkluż ix-xiri tal-istrumenti. Bħala soċju, int tkun qed tgħin fl-ispejjeż kbar li tħabbat wiccha magħhom is-Soċjetà biex issostni bl-aħjar mod lill-banda billi tixtri strumenti godda għall-alljievi tagħha.
L-attività prinċipali li ilha fdata f’idejn is-Soċjetà sa’ mill-1882, hija l-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ San Ġorġ, li jiġu ċċelebrati ta’ kull sena fil-ġimgħa li twassal għat-tielet Ħadd ta’ Lulju. Bħala soċju, int tkun qed ittaffi xi ftit jew wisq mill-ispejjeż u l-energija li ġġib magħha l-festa ta’ San Ġorġ.
Attività kulturali annwali oħra li torganizza s-Soċjetà hija Festival Mediterranea. Iż-żewg avvenimenti prinċipali integrati f’dan il-festival huma l-produzzjoni tal-Opra, interpretata f’żewġ rappreżentazzjonijiet, u l-kunċert sinfoniku annwali li l-banda cittadina u dekana La Stella tippreżenta ġewwa t-Teatru Astra. Bħala soċju, int tkun qed tgħin lis-Soċjetà ttella’ attività kulturali ta’ livell hekk għoli bħalma huwa Festival Mediterranea.
Barra minn hekk, bħala soċju, int mhux biss tkun qed tagħti kontribut lis-Soċjetà, iżda tkun ukoll qed tiggwadanja fis-Soċjetà !
Tkun qed tiggwadanja LEĦEN aktar b’saħħtu fis-Soċjetà. Tkun qed tiggwadanja SUSSIDJU fuq il-biljetti għal attivitajiet teatrali, kulturali u soċjali organizzati misSoċjetà fit-Teatru Astra u l-każin.
Biex tissieħeb bħala Soċju imla l-formola u ibgħatha, flimkien ma’ ċekk ta’ €15, pagabbli lis-Soċjetà Filarmonika La Stella, fl-indirizz Teatru Astra, 9, Triq ir-Repubblika, Victoria, Għawdex. Dawn il-formoli jistgħu jingħataw lill-membri tal-Kumitat. Eventwalment tintbagħtlek il-membership card tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Benefiċċi
·         Matul ix-xahar ta’ Jannar ser tittella’ lotterja kull ġimgħa fost is-soċi li jinkitbu, li tikkonsisti fi statwa ta’ San Ġorġ li preżentament qed tinbiegħ mill-Kazin għall-prezz ta’ €35.
·         Gawdi minn benefiċċi ntitolati għas-soċi (inkluż skont ta’ 10% fuq kull biljett ta’ attivitajiet fit-Teatru Astra)
·         Tiġi mniżżel fil-guest list tas-Soċjetà u tirċievi nvit għall-attivitajiet importanti