Join Us On:

News Archive

SETT ĠDID TA’ MARĊI BRIJUŻI

Fl-okkażjoni tal-festi f’ġieħ il-patrun ta’ beltna San Ġorġ Martri, is-Soċjetà Filarmonika La Stella, matul il-ġimgħa li għaddiet ħarġet is-CD il-ġdid ta’ marċi brijużi. Dan is-CD (Vol. 21) li jġib l-isem Protettur ta’ Beltna jiġbor fih xejn inqas minn tnax-il marċ u tliet innijiet. Il-marċi brijużi jvarjaw minn kompożizzjonijiet ġodda u oħrajn li nħarġu mill-arkivju tas-Soċjetà. Minbarra l-innu marċ Lill-Kbir Martri San Ġorġ  ta’ Ciappara u l-innu La Stella, din is-sena ġie rrekordjat għall-ewwel darba l-innu Lil Għawdex, kompożizzjoni tas-surmast direttur tal-banda tagħna, il-Prof. Joseph Vella u lirika tal-mibki, il-poeta Ġorġ Pisani, li din is-sena qed infakkru l-ewwel ċentinarju mit-twelid tiegħu. Dan l-innu ġie rrekordjat peress li din is-sena qed infakkru egħluq il-ħamsin sena minn meta ġie miktub. Fuq talba ġenerali, ġie rrekordjat ukoll il-marċ popolari u brijuż, Forza Ġorġjani ta’ Sunny Galea. Il-marċi kollha tas-sett ta’ din is-sena huma dawn:
 
Innu Lil Għawdex | Joseph Vella
Putchi | Joseph Vella
Stilla | Mario Galea
Georgi | George Borg
Marisa | Sunny Galea
10 snin Leħen il-Belt Victoria| Michael Ciantar
Ġorġi Tagħna | Joe Galea
Rex Hispanæ | Joseph Azzopardi
Ċieka u Ċelest | Anthony Aquilina
Lill-Bandisti l-Ġodda | Salv Fabri
L-Ewwel Banda t’Għawdex | Emanuel Bugeja
Nevada | Vincenzo Ciappara
Forza Ġorġjani | Sunny Galea
Innu Lill-Kbir Martri San Ġorġ| Vincenzo Ciappara
Innu La Stella| Giuseppe Giardini Vella
 
Fuq il-qoxra tas-CD (disinn: Michael Formosa) din is-sena nsibu l-pittura famuża tal-artist Franċiż Gustave Muraeu (1826-1898), li turi lil San Ġorġ fuq iż-żiemel. Din il-pittura llum tinsab miżmuma fin-National Gallery f’Londra. Fin-naħa ta’ ġewwa tal-qoxra wieħed isib ukoll informazzjoni fuq din il-pittura miktuba mill-artist Għawdxi Mark Sagona.
 
Intant, is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi ser jindaqqu għall-ewwel darba fid-dimostrazzjoni ta’ nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju – bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, li tibda minn Pjazza San Franġisk u tintemm fost briju kbir fi Pjazza San Ġorġ. Is-CD il-ġdid jista’ jinxtara mill-każin La Stella u mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ 12.