Join Us On:

News Archive

SERVIZZ FIL-FESTA TA’ SAN ĠWANN BOSCO

donbosco_jpg  ch_b07

Illum il-Ħadd 1 ta’ Frar, il-Banda Ċittadina La Stella kienet impenjata bl-ewwel servizz tagħha għal din is-sena. Il-banda ħadet sehem fil-festi ċċelebrati fil-Belt Victoria f’ġieh San Ġwann Bosco. Hija għamlet marċ qasir qabel il-ħruġ tal-purċissjoni minn quddiem l-iskola primarja tal-Belt Victoria sa Pjazza Sant’ Wistin fejn jinsab l-Oratorju Don Bosco, u wara akkumpanjat il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

Din l-okkażjoni kienet waħda importanti ħafna għax fiha ħarġu għall-ewwel darba żewġ bandisti ġodda. Dawn kienu Christine Gauci fuq s-Saxophone Soprano u Filippa Mizzi fuq il-Flute. It-tnejn studjaw l-istrument taħt id-direzzjoni ta’ Michael Bonanno, l-għalliem tal-alljievi tal-qasba. Minn din il-paġna nixtiequ nawgurawlom kull suċċess u nħajru oħrjan biex jagħmlu bħalhom. Ikun ta’ sodisfazzjoni kbir meta naraw individwi jiġu għandna u jitgħallmu jdoqqu strument. Irridu nfakkru li t-tagħlim jiġi provdut mingħajr ħlas fis-sede tas-Soċjetà u jista’ jibda l-istudji tiegħu kulħadd.

Intant il-Banda Ċittadina La Stella ġa bdiet bil-kunċerti preparatorji tagħha għall-marċi brijużi 2015 li bħal kull sena jiġu r-rekordjati fuq CD. Fl-istess ħin qed noqorbu wkoll lejn il-bidu tar-Randan li jfisser aktar impenji fix-xhur li ġejjin relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.