Join Us On:

News Archive

SERATA SPEĊJALI WAQT L-AKKADEMJA MUŻIKO-LETTERARJA

Il-bieraħ filgħaxija l-Banda Ċittadina La Stella fetħet l-impenji tagħha għall-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ, liema festa tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd li ġej.  Matul is-serata iżżanżnet bradella ġdida għal San Ġorġ Rebbieħ, fuq disinn ta’ Silvio Pace Ix-xogħol fl-injam sar minn’ Skippy Woodworks u xogħol fil-ħadid minn Johnny Micallef.

L-avveniment beda billi l-banda għamlet dimostrazzjoni qasira mill-każin La Stella sa Pjazza San Ġorġ fejn sabet folla ta’nies lesta għal bidu tas-serata.  L-akkademja bdiet billi inqrat poeżija mill-Kav Joe M Attard “San Ġorġ ta’ Cremona – 125 sena magħna !”.  Dritt wara għamel diskors mill-istoriku s-Sur Anthony Farrugia, dwar ħafna aspetti soċjo-kulturali u reliġjużi marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ u l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ.  Kien imiss li l-banda tagħna ssellem l-memorja tal-Prof. Joseph Vella permezz tal-innu meraviljuż kompożizzjoni tiegħu, “Dejjem f’Qalbna”, miktub apposta għal San Ġorġ Rebbieħ. Wara, kien imiss li jiġi mistieden jagħmel diskors il-Kav. Paul M Cassar li ma għandu bżonn ebda introduzzjoni għax ismu huwa sinonimu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ.  Is-Sur Cassar għamel diskors fuq aspetti storiċi u esperjenzi li għex huwa stess fis-snin l-imgħoddija, marbuta mal-parroċċa tagħna, s-Soċjetà Filarmonika La Stella, Teatru Astra u l-festa ta’ San Ġorġ.  Wara d-diskors l-banda esegwiet l-innu “Su Garzoni” ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (tal-Vers) miktub apposta għal San Ġorġ Rebbieħ fl-1894. Il-Banda La Stella kienet akkumpanjata mill-kor tat-tfal tat-Teatru Astra “Piccole Stelle” u s-solista Ruth Bezzina.  Kien imiss li jagħmel intervent il-Kav. Michael Camilleri Cauchi dwar l-aspett artistiku, l-aħħar skultur li rrestawra din l-istatwa ta’ San Ġorġ, wara interventi fil-passat ta’ Giuseppe Agius (il-Brejbex), Wistin Camilleri u Alfred Camilleri Cauchi.  Il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Dr John Galea filwaqt li l-Kor Piccole Stelle kien taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard.

Is-serata tkompliet bil-preżentazzjoni ta’ tifkira mill-President attwali s-Sur Michael Formosa lil numru ta’ bandisti li llum rtiraw minħabba l-età – u li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. Dawn inħatru bandisti onorarji għal għomorhom, skont anke t-termini tal-aħħar reviżjoni fl-istatut tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-membri li rċevew dan ir-rikonoxximent kienu: 

  1. Sunny Galea (Klarinett)
  2. Zarenu Galea (Kurunetta)
  3. Michael Camilleri (Klarinett)
  4. Anton Galea (Baxx)
  5. Anton Said (Saxaphone Soprano)
  6. Joe Sacco (Baxx)
  7. Joseph Bajada (Baxx)
  8. John Cauchi  (Kornu)
  9. John Farrugia (Kornu)
  10. Censu Formosa (Klarinett)

Wara ġew onorati numru ta’ bandisti li għalqu 50 sena jdoqqu mal-banda u għadhom jagħtu servizz. Ta’ min isemmi li s-Sur John Cauchi għalaq 60 sena jdoqq mal-banda tagħna u għadu jagħti servizz.  il-membri li rċevew din it-tifkira kienu: 

  1. Anton Farrugia (Althorn)
  2. George Cremona (Trumbun)
  3. Joseph Tabone (Klarinett)
  4. Joseph Cini (Saxophone)
  5. Godwin Cachia (Tamborlin)

Bħala sinjal ta’ inkoraġġiment ingħata premju wkoll liċ-ċkejknin tagħna, l-allievi, li naturalment huma l-futur tal-banda.  Dawn kienu:

  1. Keith Vella (Trumbun)
  2. Eman Camilleri (Kurunetta)
  3. Jerome Vella (Horn)
  4. Joseph Attard (Kurunetta)
  5. Jurgen Bugeja (Klarinett)
  6. Luca Galea (Saxophone)
  7. Kurt Vella (Klarinett)
  8. Jaden Formosa (Klarinett)
  9. Paul Cassar (Klarinett)
  10. Kareem Cutajar (Klarinett)

Fl-aħħar tas-serata għamlet diskors l-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana fejn irreferiet għall-importanza tal-impenn ta’ numru ta’ voluntiera biex wasslu lis-Soċjetà Filarmonika La Stella fejn hi llum.  Fi tmiem id-diskors tagħha hija awgurat l-festa t’tajba l-komunità Ġorġjana kollha.  Is-serata intemmet bid-daqq tal-innu tal-Banda La Stella u l-innu marċ “Lill-Kbir Martri San Ġorġ”.

Għal din is-serata kien hemm numru ta’ persuni distinti u li aħna nirringrazzjaw tal-preżenza tagħhom. Fost oħrajn konna onorati bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana, is-Sindku tar-Rabat is-Sur Josef Schembri, s-Sur Michael Formosa President tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, s-Sur Matthew Zammit s-Segretarju w Dr Chris Mizzi l-Viċi President, Mro Dr John Galea s-sinjura tiegħu, l-Arċipriet Mons Joseph Curmi, l-Arċipriet Emeritus u direttur spiritwali tal-banda Mons Ġużeppi Farrugia, s-Sinjura Vella (mart l-Prof. Joseph Vella), l-kelliema kollha fosthom il-Kav Paul M Cassar.  Is-serata kienet ippreżentata mis-Sur Nathaniel Attard.

Din is-serata ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Fond Komunitajiet Kreattivi mħaddem mill-Kunsill Malti tal-Arti, u anke lill-Ministeru għal Għawdex għas-sapport tiegħu.

(Ritratti: Joe Attard)