Join Us On:

News Archive

SEBA’ BANDISTI ĠODDA MAL-BANDA LA STELLA

Nhar il-Ħadd li għadda, waqt it-tieni servizz li l-banda tagħna għamlet fl-istaġun tal-festi 2009, ġewwa r-raħal tal-Għasri, ngħaqdu mal-banda tagħna sitt bandisti ġodda lkoll bil-kurunetta, sezzjoni li kull ma jmur dejjem qed tkompli tissaħħaħ. Dawn il-bandisti l-ġodda li wħud minnhom huma ta’ eta’ żgħira huma: Kersten Grima; Isaac Grima; Andrea Cauchi; Anthony Mizzi; Noemi Portelli; u Oreste Portelli. Magħhom irridu nsemmu wkoll lil Christian Farrugia li ħareġ idoqq l-Euphonium aktar kmieni din is-sena. Dawn is-seba’ prinċipjanti ġew mgħallma fl-iskola tal-mużika tas-Soċjeta’ tagħna mill-għalliem tal-istrumenti tar-ramm, Michel Refalo, bandist u solista mal-banda tagħna.

M’hemmx dubju li din hija xhieda ta’ kemm is-Soċjeta’ tagħna għalkemm hija l-"ixjeħ" waħda fl-istorja ta’ gżiritna, l-element żagħżugħ fiha jinħass sew, mhux biss fid-diversi sezzjonijiet tas-Soċjeta’, imma b’mod partikolari fil-banda. Dan ifisser ukoll li l-banda kompliet issaħħaħ l-element bandistiku "tal-post". Fil-fatt in-numru ta’ bandisti residenti mal-banda ċittadina La Stella issa jaqbeż is-sebgħin – numru rekord għal kull banda oħra fil-gżejjer Maltin.

Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lil dawn il-bandisti ġodda u b’mod partikolari lill-għalliem tagħhom Michel Refalo tal-ħidma kbira tiegħu fl-iskola tal-mużika tas-Soċjeta’ tagħna. Nawgurawlhom kull suċċess f’din l-avventura l-ġdida mal-banda tagħna u j’Alla żgħażagħ oħra jieħdu eżempju minnhom u jingħaqdu mal-banda tagħna. Minn hawn ukoll inkomplu ninkoraġġixxu lil numru kbir ieħor ta’ allievi li jattendu bi ħġarhom għal-lezzjonijiet tal-mużika fl-iskola mużikali tas-Soċ. Filar. La Stella, sabiex ikomplu jaħdmu bis-serjeta’, ħalli ma ndumux ma narawhom mal-banda, matul in-numru kbir ta’ servizzi li jkollna.