Join Us On:

News Archive

ĦRUĠ TA’ SAN ĠORĠ MINN NIĊĊA

Il-Bieraħ filgħaxija l-Banda Ċittadina La Stella għamlet marċ minn Taċ-Ċawla sal-Pjazza ta’ San Ġorġ wara li l-Arċipriet flimkien mal-Kleru u l-Kapitlu għamel konċelebrazzjoni fil-Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb. Dritt wara li l-Banda tagħna spiċċat il-marċ fil-pjazza, beda ħiereġ San Ġorġ minn niċċa fost entużjażmu estrem, ċapċip mingħajr ma jaqta u kant tal-innijiet Georgius Natus Est u Lill-Kbir Martri San Ġorġ (Ġorġi Tagħna).
Għal xi 9.00pm imbagħad l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna attendew għaċ-Ċelebrazzjoni ta’ Xhieda Kristjana li kienet tinkludi mumenti ta’ talb, riflessjoni u kant. Aktar tard saret id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) xogħol ta’ Austin Camilleri flimkien mal-Banda Ite ad Joseph (Il-Qala) fejn spiċċat fi Pjazza San Franġisk u l-istatwa ttellet fuq il-pedestall tagħha. Naturalment dan kollu sar fost il-ferħ u l-entużjażmu li ż-żgħażagħ tagħna huma magħrufin għalih.
Aktar tard illum se ssir id-dimostrazzjoni ta’ San Ġorġ taż-Żiemel (1987) ta’ Alfred Camilleri Cauchi. Inżommukom aġġornati fuq dan is-sit u fuq il-Facebook page tagħna.