Join Us On:

News Archive

ROCKASTRA MILL-ĠDID FIL-BELT VICTORIA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ħabbret li għat-tielet sena konsekuttiva ser tkun qed ittella’ il-kunċert RockAstra, skedat għal-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex. Dan il-kunċert, li issa sar appuntament annwali fil-kalendarju mużikali f’pajjiżna, tħabbar nhar il-Tlieta 26 ta’ Mejju waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa il-bini tal-Kunsill Malti gћall-Arti, fil-Belt Valletta indirizzata mill-Onor. Dr Anton Refalo, Ministru għal Għawdex; Is-Sur Albert Marshall, Chairman tal-Kunsill Malti gћall-Arti; Dr Samuel Azzopardi, Sindku tal-Belt Victoria; Mro Sigmund Mifsud, direttur artistiku ta’ RockAstra; Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u Mariella Spiteri Cefai, direttriċi tal-kor tat-tfal tat-Teatru Astra ‘Piccole Stelle’.

F’dan l-ispettaklu, l-Banda Cittadina La Stella ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud, personalita’ magħrufa sew fil-qasam mużikali u artistiku ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Dr Anton Refalo, sostna li din hija waħda minn dawk l-inizjattivi kulturali li jgħinu lil Għawdex sabiex ikun destinazzjoni ta’ kwalità fil-bidu tal-istaġun tas-Sajf.  F’kuntest akbar, attivitajiet mużikali bħal RockAstra jagħmlu l-kalendarju kulturali lokali aktar attraenti.  Il-Ministru Refalo kompla li jinsab konxju mill-potenzjal tal-Banda La Stella filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut kbir li din is-Soċjetà Mużikali qed tagħti fix-xena mużikali u kulturali lokali.  Huwa tenna li l-Ministeru għal Għawdex se jissokta joffri kull appoġġ sabiex inizjattivi ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jitwettqu.

Press Conference 26-05-2015 (2)

Is-Sur Albert Marshall, chairman tal-Kunsill Malti gћall-Arti, qal li l-masterclasses marbutin mar-RockAstra ingћataw fondi permezz ta’ Komunitajiet Kreattivi, programm ta’ fondi pubbliċi għall-attivitajiet artistiċi u kulturali li jinħolqu mill- komunità u li jinvolvu u jindirizzaw primarjament lill-komunitajiet lokali. L-għan huwa dak li jagħti opportunitajiet ta’ taħriġ, riċerka u żvilupp ta’ proġetti artistiċi mmexxija mill-komunità għall-komunità.

Il-konferenza ġiet indirizzata ukoll mis-Sur Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv ta’ l-istess Soċjetà.  Huwa rrimarka b’sodisfazzjon li l-kunċert RockAstra għalkemm ilu issir biss għal dawn l-aħħar sentejn, diġà stabilixxa ruħhu bħala appuntament ewlieni fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna u sena wara sena qiegħed dejjem jikber u jagħti identità aktar kontemporanja lill-Banda Ċittadina La Stella.  Is-suċċess kbir li nkiseb fl-edizzjoni ta’ qabel u l-impenn tal-mużiċisti tal-Banda La Stella taħt id-direzzjoni artistika tas-Surmast Sigmund Mifsud jawguraw li għal sena oħra dan il-kunċert joffri spettaklu lil kull minn għandu dan il-ġenru ta’ mużika għal-qalbu. Hu rringrazzja ukoll lil entitajiet u kumpaniji privati qed joffru support lis-Socjeta La Stella filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut imprezzabli ta’ numru kbir ta’ voluntiera involuti f’dan il-progett kbir.

Press Conference 26-05-2015 (1)

Formosa zied ukoll li barra RockAstra, is-Soċjeta Filarmonika La Stella għall-ewwel darba, permezz ta’ fondi mill-programm Komunitajiet Kreattivi tal-Kunsill Malti gћall-Arti ser tkun qed torganizza sessjonijiet ta’  Master Classes fil-qasam tal-improvizazzjoni mużikali indirizzati kemm għall-istudenti bl-istrumenti tal-qasba  u r-ram. Dawn is-sessjoniet li huma bla ħlas ser isiru fl-iskola tal-arti u l-mużika ta’ Għawdex – Visual & Performing Arts Centre u ser ikunu mmexxija minn Dr Matt McKay u Mro Alex Bezzina rispettivament, li huma professjonisti fil-qasam rispettiv.

Is-Surmast Sigmund Mifsud, li hu ukoll l-Assistent Surmast tal-Banda La Stella faħħar l-inizjattiva tal-Banda Ċittadina La Stella u għall-opportunità unika li s-Soċjetà ser tkun qed taghti lill-mużiċisti Għawdxin. Hu aċċenna għall-livell li l-Banda Ċittadina La Stella laħqet fl-aħħar edizzjonijiet. Fil-kunċert ta’din is-sena il-Banda La Stella ser tkun akkumpanjata minn numru ta’ kantanti lokali u ser jiġu interpretati siltiet mużikali fost l-ohrajn mir-repertorju tal-Queen, Pink Floyd, Bon Jovi u Blues Brothers.

Is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi li wkoll indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill Lokali Belt Victoria li ser jittella dan il-kunċert bil-kollaborazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-istess Kunsill. Is-Sindku faħħar din l-inizzjattiva tas-Soċjeta Filarmonika La Stella li permezz ta’ RockAstra u attivitajiet oħra bħal Festival Mediterannea jkomplu jżommu l-aspett kulturali ġewwa Beltna fuq skala kbira li jagħtu gieħ lil-Beltna.

Ms Mariella Spiteri Cefai, direttriċi tal-Kor tat-Teatru Astra, Piccolle Stelle, esprimiet s-sodisfazzjon tagħha li l-kor tat-tfal li għandu aktar minn 45 membru, ser jipparteċipa f’ dan l-appuntament importanti u li jsegwi kullana ta’ attivitajiet oħra li fihom ħa sehem b’suċċess.  Dan il-Kor ġie mwaqqaf fil-2013.

Dawn l-attivitajiet mużikali li ser ikunu qed jiġu organizzati fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju qed issiru bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, tal-Ministeru għal Għawdex, Kultura u Gvern Lokali u l-Awtorita tat-Turiżmu u bl-għajnuna ta’ General Soft Drinks Co. Ltd u Citadel Insurance plc. Il-masterclasses ta’ dan il-proġett qegћdin jittellgћu bl-gћajnuna tal-programm ta’ fondi Komunitajiet Kreattivi.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq 21550985 u www.lastella.com.mt.mt

RockAstra 2015 poster Master Classes