Join Us On:

News Archive

ROCKASTRA 2018 – SUĊĊESS IEĦOR KBIR !

Il-bieraħ filgħaxija saret il-ħames edizjoni tal-kunċert RockAstra mill-Banda Ċittadina La Stella, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud.  L-attendenza numeruża fit-Triq ir-Repubblika titkellem waħedha dwar is-suċċess miksub għal darba oħra mill-Banda Ċittadina La Stella, l-kantanti s-Surmast Mifsud u dawk kollha nvoluti fl-organizzazzjoni ta’ dan l-event ewlieni f’Għawdex.

Matul is-serata ħadu sehem ukoll il-Kor Piccole Stelle, taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Cini, il-kantani Chris Grech, Remy Azzopardi, Mikaela, Ludwig Galea u Gabriella Azzopardi. Ippreżenta is-serata Keith Demicoli. Siltiet popolari li ndaqqew jinkludu Angles, Medley tal-Pink Floyd, Don’t Cry for me Argentina, Hey Jude, Gethsemane, Stairway to Heaven u ħafna oħrajn.

Għal dan il-kunċert attendew bosta mistednin distinti fosthom il-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana, is-Seg. Parlamentari Clint Camilleri, deputati parlamentari, is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi u l-Arċipriet Mons Joseph Curmi u l-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella s-Sur Paul M Cassar flimkien mal-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Dan il-kunċert, li d-dħul tiegħu kien mingħajr ħlas, sar fil-kuntest tal-festi ta’ Jum il-Belt Victoria organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, u hu parti mill-programm ta’ attivitajiet ta’ Valletta 18 – Belt Kapitali tal-Kultura.  Din l-inizjattiva kienet sostnuta bl-iskema “Ministry for Gozo NGO Assistance Scheme” programm ta’ finanzjament għall-Organizzazzjonijiet Volontarji f’Għawdex u bil-kollaborazzjoni ta’ General Softdrinks, u Citadel Insurance.

Ritratti: Joe Attard