Join Us On:

News Archive

ĦRIĠNA BL-UNURI!

Ma stajniex nagħżlu titlu aħjar minn dan, biex niddeskrivu s-suċċess kbir li kisbet il-banda ċittadina La Stella, il-bieraħ fil-programm mużikali ta’ jum San Ġorġ. Quddiem pubbliku numeruż li mela kull rokna ta’ pjazza San Ġorġ, il-banda kienet f’forma mill-aqwa u tat kunċert liema bħalu. Il-programm mużikali fl-okkażjoni tal-festa liturġika tal-patrun u protettur tal-Għawdxin San Ġorġ, beda hekk kif intemm pontifikal solenni fil-bażilika mmexxi mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech.

Il-banda, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, fetħet il-programm bis-silta mużikali: The Band at the Opera, arranġament mużikali ta’ Joseph Compello b’selezzjonijiet mill-aktar popolari minn erba’ opri li huma Carmen ta’ Bizet; William Tell ta’ Rossini; Pagliacci ta’ Leoncavallo; u Il Trovatore ta’ Verdi. Kien imiss imbagħad silta mużikali partikolari, xogħol il-kompożitur Amerikan tas-seklu għoxrin Aaron Copland: Fanfare for the Common Man, fost l-aqwa xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur. Il-banda kollha b’mod speċjali s-sezzjoni tar-ramm dehru ferm ikkoordinati f’silta mużikali li kienet titlob attenzjoni kbira. 

Bqajna fuq tema moderna, bl-arranġament mużikali ta’ Paul Murtha, li ħadna lura fis-snin tmenin bis-silta: Eighties Flashback, arranġament li ġabar fih siltiet mużikali ferm popolari ta’ dawk is-snin fosthom: Time after time; Eye of the Tiger; Up where we belong; u You give love a bad name. Mill-mużika tas-snin tmenin għaddejna għall-musical popolari mmens ta’ Andrew Lloyd Webber: The Phantom of the Opera. Il-banda daqqet selezzjoni minn dan il-musical, u nistgħu ngħidu li hawn ukoll uriet kapaċità kbira f’dan ix-xogħol pjuttost delikat.

Il-banda għalqet dan il-programm mużikali bl-esekuzzjoni impekkabbli tal-Overture 1812, ta’ P. I. Tchaikovsky. Iva, esekuzzjoni mill-aqwa, f’silta mużikali mill-aktar impenjattiva, li fiha kienet tinħass il-parteċipazzjoni affettiva tal-banda kollha. Kien tassew mistħoqq l-applaws kbir tal-folla, fil-final ta’ din il-kompożizzjoni grandjuża, flimkien mat-tokki tal-qanpiena l-kbira tal-bażilika, li akkumpanjaw l-aħħar battuti ta’ dan ix-xogħol mużikali. Fi tmiem din l-esekuzzjoni mill-aqwa, il-partitarji taw standing ovation lill-bandisti tagħna, ġest mistħoqq għall-impenn sħiħ li urew, biex ittellgħet kif suppost din l-overture. Eżatt ma’ tmiem din l-esekuzzjoni, inħarqet kaxxa infernali mill-għolja ta’ Gelmus, mill-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri.

Temmejna dan il-programm bid-daqq tal-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ, fost il-kant u ċ-ċapċip kontinwu tal-partitarji u ta’ dawk kollha preżenti, l-innu La Stella, l-innu Lil Għawdex u fl-aħħarnett l-innu nazzjonali. Għal dan il-programm mużikali kien hemm preżenti wħud mill-ogħla awtoritajiet fosthom, is-sindku tal-belt, is-Sur Robert Tabone u s-sinjura Tabone, l-ex speaker tal-kamra tad-deputati is-Sur Anton Tabone u s-sinjura Tabone, is-supretendent Simon Galea, l-arċipriet tal-bażilika Mons. Pawlu Cardona; l-arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċ. Filar. La Stella Mons. Ġużeppi Farrugia, membri tal-kumitat tas-Soċjeta’, immexxija mis-segretarju, is-Sur Michael Formosa fl-assenza tal-president l-avukat Joseph Grech u l-viċi-president is-sur Paul Zammit, li kienu jinsabu indisposti. Il-programm mużikali ġie ppreżentat mis-sinjura Orietta Gatt.

Fi tmiem dan il-kunċert mużikali, il-banda bdiet dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, li tintuża f’waħda mill-erba’ dimostrazzjonijiet li jsiru fil-festa ta’ Lulju, minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika. Hawn il-banda daqqet uħud mill-aktar marċi brijużi tagħha. B’hekk nistgħu ngħidu li għalaqna bl-akbar mod possibbli dawn il-festi ad unur il-kbir Martri San Ġorġ f’beltna. Il-festi jkomplu f’Lulju li ġej u jilħqu l-qofol tagħhom nhar id-19 ta’ Lulju.

Nixtiequ hawnhekk nieħdu l-okkażjoni biex għal darb’oħra nifirħu lill-bandisti tagħna għal dan is-suċċess miksub u nirringrazzjawhom tal-impenn sħiħ li taw biex seta’ jittella’ dan il-kunċert. Nirringrazzajaw ukoll lill-assitent surmast Mro Noel Beck tal-ħidma kbira tiegħu f’dawn l-aħħar xhur, u fuq kollox lis-surmast direttur il-Prof Joseph Vella tad-dedikazzjoni u l-ħila kbira tiegħu biex ittella’ dan il-programm mużikali. Nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem, li l-wirja li tat il-banda l-bieraħ, ikkonfermat aktar minn qatt qabel li l-banda tal-istilla għadha tgawdi l-ogħla post fil-qasam bandistiku fi gżiritna, post prestiġjuż li diffiċli jintlaħaq minn baned oħra.

ritratti: Joe Attard