Join Us On:

News Archive

RIGOLETTO: BILJETTI MRAĦĦSA GĦALL-ISTUDENTI

Studenti li għandhom 25 sena jew inqas jistgħu jgawdu minn offerta speċjali ta’ prezzijiet imraħħsa ferm għall-istudenti, li qed tiġi offruta mit-Teatru Astra għall-produzzjoni tal-opra Rigoletto li se ssir fl-istess teatru nhar il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 t’Ottubru 2009.
 
It-Teatru Astra qiegħed għal darb’oħra jirrepeti din l-iskema li toffri l-opportunità lil studenti biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-opra u jgawdu mill-esperjenza meraviljuża li din l-espressjoni artistika tagħti. Hekk, permezz ta’ din l-iskema, li kienet introdotta b’suċċess is-sena li għaddiet, tkun tista’ titrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ li japprezzaw l-opra.
 
It-Teatru Astra qed joffri 200 biljett li jinbiegħu fuq bażi ta’ first-come first-served lil dawk l-istudenti li għandhom 25 sena jew inqas, u li jgħixu f’Malta jew Għawdex, għall-ewwel serata tal-opra, jiġifieri l-Ħamis 29 t’Ottubru.
 
Il-prezz tal-biljetti tnaqqas b’mod konsiderevoli, minn €50 kull wieħed għal €10 kull wieħed għall-istudenti, filwaqt li kull persuna adulta li takkumpanja lill-istudenti tista’ wkoll tgawdi minn tnaqqis ta’ 20% fuq il-prezz tal-biljett tagħha, għall-prezz finali ta’ €40.
 
Il-biljetti jistgħu jigu prenotati billi wieħed iċempel fuq in-numri tat-telefon 2155 0985 jew 9988 3007, inkella jibgħat email fuq [email protected]
 
Fl-istess ħin, it-Teatru Astra qiegħed jistieden lil dawk li jħobbu l-opra kif ukoll lil entitajiet kummerċjali privati jew pubbliċi biex jekk iridu huma wkoll jieħdu sehem f’dan il-programm edukattiv imniedi mit-Teatru, jikkontribwixxu b’donazzjoni żghira. Il-produzzjoni ta’ opra lirika ta’ kalibru għoli mhix biċċa xogħol faċli għal Festival Mediterranea, u għalhekk donazzjoni żgħira lejn din l-iskema tal-istudenti hi ġest kulturali nobbli li jiftaħ tieqa ta’ opportunitajiet lill-istudenti u liż-żgħażagħ lejn id-dinja rikka tal-opra. Donazzjonijiet ta’ kull daqs huma apprezzati.