Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MUŻIKALI MILL-BANED TAL-BELT VICTORIA FI PJAZZA INDIPENDENZA…22 SENA ILU

Il-baned tal-Belt Victoria, f’okkażjonijiet ta’ ċelebrazzjonijiet ċivili, kienu ta’ sikwit idoqqu flimkien. Ġeneralment kien isir marċ minn ħdejn il-Mall, Villa Rundle, tul Triq it-Tiġrija li jwassal sa Pjazza t-Tokk. Wara kien isir programm mużikali, alternat miż-żewġ baned. L-aħħar programm ta’ din ix-xorta kien sar f’Settembru tas-sena 1964 meta Malta saret Indipendenti.

Is-sena 1985 kienet is-Sena Ewropea tal-Mużika. It-Taqsima tal-Kultura tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Kultura u Żgħażagħ, organizza serata ta’ mużika “Festival tal-Mużika” b’kunċert strumentali fi Pjazza t-Tokk tal-Belt Victoria nhar is-Sibt, 4 ta’ Mejju 1985. Il-programm mużikali ndaqq mill-Baned Ċittadini “La Stella” u “Leone” fi Pjazza t-Tokk li kienet armata għall-okkażjoni.

F’din l-okkażjoni ttellgħet il-polza li ffovorit lill-Banda “La Stella”. Din il-banda għażlet li tagħlaq il-programm hi. Il-programm kellu jkun alternat, banda ddoqq silta mużikali u wara l-banda l-oħra ddoqq silta mużikali oħra hi wkoll. Is-siltiet mużikali tal-Banda La Stella kienu “Rapsodia Ungerese Nr. 2” ta’ F. Liszt, Suite “Three Mood Pieces” ta’ Joseph Vella, is-Surmast Direttur u selection mill-Opra “Tosca” ta’ G. Puccini. Il-banda għalqet bl-Innu Malti. Fi tmiem il-programm il-partitarji ta’ l-iStilla tefgħu fjuri fuq il-palk u l-banda tagħhom bħala apprezzament tal-kunċert stupend li daqqet. Il-banda Ċittadina “La Stella”, kienet taħt id-direzzjoni għaqlija ta’ Mro. Joseph Vella u kienet tgħodd 59 bandist, kollha tal-post.

F’nofs il-programm s-Sur Joe Attard, membru fuq il-Kumitat tal-Kultura, għamel diskors qasir u wara l-Onor. Lino Debono, f’isem il-Ministru tal-Kultura, ippreżenta plakka kommemmorattiva liż-żewġ baned. Il-programm kien ippreżentat mis-Sur Peter Paul Ciantar.

Il-Banda Leone daqqet Marcia Sinfonica “Bianca Rossa” ta’ V. Ciappara, Selection mill-opra “Turandot” ta’ C. Puccini u l-Overture “1812” ta’ P. I. Tchaikovsky. Kif kien ippubblikat fil-gazzetti ftit ġranet qabel, il-Marcia “Bianca Rossa” kienet indaqqet flok r-Raba’ Moviment mis-Sinfonija Nru. 7 tas-Surmast Joseph Sammut, is-Surmast Direttur tal-Banda Leone. Din inbidlet mal-Marcia “Bianca Rossa”.

Biex tfakkar li l-Banda Ċittadina “La Stella” daqqet mingħajr barranin, mal-faċċata tal-każin, wara li ntemm il-programm, twaħħlet tabella li tgħid: “Ġieħ u Ħajr lill-Banda La Stella għall-Programm ta’ nhar Sibt fit-Tokk li ndaqq bla għajnuna ta’ bandisti barranin. 4.5.85.”
Din il-ħaġa, daż-żmien ma tantx għadha teżisti. Wara sar riċeviment fid-Duke of Edinburgh Hotel għall-bandisti u membri tal-Kumitat, kif ukoll għall-Kumitat Kulturali Għawdxi.

Is-suċċess li nkiseb b’dan il-programm mużikali, is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” kompliet tfakkru bi pranzu li organizzat fil-Lukanda Ta’ Ċenċ f’ġieħ Mro. Joseph Vella u l-Bandisti kollha tas-Soċjetà.

George Borg