Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MUŻIKALI IEĦOR FIL-QALA

Il-fatt li l-maġġoranza assoluta tas-servizzi li għandha l-banda La Stella matul l-istaġun tal-festi huma programmi mużikali, ifisser ħafna mhux ftit. Li torganizza dan it-tip ta’ servizzi inti huwa tajjeb ħafna, imma li tiġi mistieden kważi f’kull festa u f’kull raħal madwar Għawdex biex tagħmel dan it-tip ta’ servizz ifisser ferm aktar, għax juri bla ebda dubju xi stima kbira tgawdi l-banda.

Festa wara oħra, il-banda kompliet għaddejja bis-servizzi tagħha. Is-servizz fil-Qala kien l-għaxar servizz barra mill-belt Victoria. Għal darb’oħra l-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha, il-Prof. Joseph Vella, esegwiet programm mużikali ieħor mill-aqwa, din id-darba lejlet il-festa ta’ San Ġużepp. Fi pjazza mimlija nies, il-banda esegwiet mużika mill-aktar popolari, minn kanzunetti magħrufa, u opri sa mużika mid-dinja taċ-ċinema, li lkoll ġibdu l-attenzjoni ta’ dawk preżenti li apparti minn spettaklu ta’ nar, gawdew ukoll minn spettaklu ta’ mużika. Fost il-mużika li ġiet esegwita kellna: Spirit: Stallion of the Cimarron; The Da Vinci Code; Italian Festival; The Band at the Opera; The Mask of Zorro; Free World Fantasy; My Heart will go on (Titanic); The Last of the Mohicans; u The Godfather.

L-aħħar żewġ impenji għall-banda tagħna f’dan is-Sajf huma dawk marbuta mal-festa tal-Assunta fiż-Żebbuġ u tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem, fejn fiż-żewġ okkażjonijiet il-banda ġiet mistiedna wkoll biex tesegwixxi programm mużikali!