Join Us On:

News Archive

PROGRAMM FESTI SAN ĠORĠ MARTRI 2008

8 ta’ Ġunju – 14 ta’ Lulju: VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Dan il-festival internazzjonali, fil-kuntest tal-festa ta’ San Ġorġ, twieled fl-1998 bħala offerta ta’ kultura għolja li tagħni b’dimensjoni ġdida u tikkostitwixxi żvilupp oriġinali fil-festa tradizzjonali Maltija. Kulħadd huwa mistieden għas-serati kollha, li huma mingħajr ħlas, proprju sabiex jitħares il-karattru popolari ta’ dan il-festival. Din il-ħdax-il edizzjoni qed tinżamm taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura, l-Onor. Dolores Cristina.

IT-TNEJN 14 TA’ LULJU

7.00pm: Tiġrijiet tradizzjonali fi Triq ir-Repubblika bis-sehem ta’ bhejjem minn Malta u Għawdex. Fi tmiem it-tiġrijiet l-Onor. Giovanna Debono, ministru għal Għawdex, u s-sur Robert Tabone, sindku tal-belt Victoria, iqassmu t-trofej lir-rebbieħa.

8.00pm: Kunċert sinfoniku u korali bis-sehem ta’ l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali (Malta), il-kor Laudate Pueri (Malta), u l-vjolinċellista Daniel Veis (ir-Repubblika Ċeka), taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella (1942- ), maestro di cappella, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju minn meta l-knisja protoparrokkjali u arċimatriċi ta’ San Ġorġ ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ bażilika (6 ta’ Settembru 1958). Jiġu esegwiti ċ-“Cello Concerto in B Minor” ta’ Antonin Dvořák, id-“Domine Iesu Christe” ta’ Joseph Vella u r-“Requiem” ta’ Gabriel Fauré.

IT-TLIETA 15 TA’ LULJU

6.00pm: Quddiesa mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb.
6.45pm: Marċ brijuż mill-banda ċittadina La Stella minn Taċ-Ċawla sa Pjazza San Ġorġ.
8.00pm: Ħruġ tradizzjonali min-niċċa ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ (1838), kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi u l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex. Ġabra speċjali għall-festa.
8.45pm: Ċelebrazzjoni ta’ Xhieda Kristjana miż-żgħażagħ Ġorġjani fil-bażilika, organizzata mill-grupp 23four, bis-sehem tat-23four Youth Band & Choir (direzzjoni: Richard Grech), li tkun tinkludi mumenti ta’ talb, riflessjoni u kant immexxija mid-djaknu Richard N. Farrugia.
9.30pm: Marċ brijuż mill-banda Ite ad Joseph (il-Qala) minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn jingħata bidu għal dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol ta’ Austin Camilleri. Logħob tan-nar fi Pjazza San Franġisk.

L-ERBGĦA 16 TA’ LULJU
L-EWWEL JUM TAT-TRIDU

6.00pm: L-aħħar Quddiesa tal-ġurnata.
6.30pm: Kant solenni ta’ l-Għasar mill-kapitlu tal-kolleġġjata flimkien mal-komunità Kristjana, ippresedut minn Mons. Coronato Grima, kanċillier tad-djoċesi ta’ Ġibiltà. Il-kant a cappella jsir mill-kor tal-bażilika Laudate Pueri u l-iSchola Cantorum Gregoriana taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo. Priedka mir-Rev. Ġużeppi Gauci. Innu, antifona u barka ewkaristika ppreseduti minn Mons. George Grima.
Matul il-jiem tat-Tridu jiġu esegwiti l-innu Georgi Miles Inclite (1878), għal solisti, kor a 3 voci pari u orkestra, kompożizzjoni ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925), u l-antifona Beatus Georgius (pre-1890), mużika ta’ Mro Paolo Fiammingo u versi ta’ San Pier Damiani (1007-1072). Jieħdu sehem is-solisti Antonino Interisano (tenur) u Jaki Jurgec (baritonu). Il-kor u l-orkestra jkunu taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.
9.30pm: Marċi brijużi mill-banda ċittadina La Stella u l-banda Santa Margerita (Ta’ Sannat), li jibdew minn Triq Għajn Qatet u Triq l-Arċisqof Pietru Pace rispettivament, sa Pjazza San Franġisk.
10.00pm: Dimostrazzjoni popolari bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol ta’ Alfred Camilleri Cauchi, bis-sehem taż-żewġ baned. Il-banda ċittadina La Stella żżanżan is-sett ta’ marċi ġodda għas-sena.

IL-ĦAMIS 17 TA’ LULJU
IT-TIENI JUM TAT-TRIDU

9.00am: Konċelebrazzjoni solenni mill-kapitlu u l-kleru, ippreseduta mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, għall-erwieħ tar-rgħajja spiritwali u s-saċerdoti l-oħra li taw servizz fi ħdan il-komunità parrokkjali Ġorġjana.
6.00pm: L-aħħar Quddiesa tal-ġurnata.
6.30pm: Kant solenni ta’ l-Għasar mill-kapitlu tal-kolleġġjata flimkien mal-komunità Kristjana, ippresedut mill-Kan. Felix Tabone, vigarju parrokkjali. Priedka mir-Rev. Ġużeppi Gauci. Innu, antifona u barka ewkaristika ppreseduti mill-Kan. Giovanni Bosco Cremona.
9.30pm: Dimostrazzjoni trijonfali bl-istatwa ġdida ta’ San Ġorġ, Patrun ta’ Għawdex, xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi, bis-sehem tal-baned Santa Katarina (iż-Żurrieq) u Santa Marija (iż-Żebbuġ). Logħob kbir tan-nar fi Pjazza Savina.

IL-ĠIMGĦA 18 TA’ LULJU
IT-TIELET JUM TAT-TRIDU

9.00am: Konċelebrazzjoni solenni mill-kapitlu u l-kleru, ippreseduta mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, b’talb speċjali b’suffraġju tal-membri tal-parroċċa li ħallew din id-dinja matul is-sena li għaddiet.
6.00pm: L-aħħar Quddiesa tal-ġurnata.
6.30pm: Kant solenni ta’ l-Għasar mill-kapitlu tal-kolleġġjata flimkien mal-komunità Kristjana, ippresedut minn Mons. Carmelo Scicluna, kantur tal-kolleġġjata. Priedka mir-Rev. Ġużeppi Gauci. Innu, antifona u barka ewkaristika ppreseduti mill-Kan. George Debrincat.
9.30pm: Marċ mill-banda San Ġużepp (Għajnsielem), minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn tesegwixxi programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sunny Galea.
9.30pm: Dimostrazzjoni grandjuża bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ (1894), kapulavur ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Tmexxi d-dimostrazzjoni l-banda ċittadina La Stella. Tieħu sehem ukoll il-banda Mnarja (in-Nadur). Logħob kbir tan-nar fi Pjazza Savina.

IS-SIBT 19 TA’ LULJU
TMIEM IT-TRIDU MQADDES

9.00am: Konċelebrazzjoni solenni ppreseduta mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, arċisqof emeritu ta’ Malta, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika. Kant solenni tat-Te Deum.
10.00am: Marċ brijuż mill-banda ċittadina La Stella, minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika.

LEJLET IS-SOLENNITÀ

5.00pm: Quddiesa tal-vġili tas-solennità.
6.00pm: Marċ brijuż mill-banda ċittadina La Stella, mill-każin sa Pjazza San Ġorġ, fejn tilqa’ l-wasla ta’ l-E.T. Mons. Mario Grech, isqof djoċesan, li jasal mill-palazz veskovili akkumpanjat mill-kapitlu u l-kleru tal-kolleġġjata Lateranensi.
6.30pm: TRANSLAZZJONI SOLENNI U ĊELEBRAZZJONI PONTIFIKALI TA’ L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ, IPPRESEDUTI MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX U DEKAN TAL-KOLLEĠĠJATA ĠORĠJANA, ASSISTIT MINN DELEGAZZJONI TAL-KAPITLU KATIDRALI U L-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA IN URBE.
7.45pm: Barka ewkaristika mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, president tal-kummissjoni Il-Knisja f’Malta u fl-Ewropa tal-Konferenza Episkopali Maltija, u delegat djoċesan għall-kultura.
Jiġi esegwit l-Għasar Vespri per la Solennità di San Giorgio Martire (1900) għal solisti, kor a 4 voci pari u orkestra, kompożizzjoni ta’ Mons. Giuseppe Farrugia. Jiġu esegwiti wkoll iż-żewġ antifoni Beatus Georgius, ta’ Mro Paolo Fiammingo (pre-1890) u ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (1897), u t-Tantum Ergo in onore di San Giorgio Martire (1901) ta’ Mons. Giuseppe Farrugia.
8.00pm: Programm mużikali mill-banda ċittadina King’s Own (il-belt Valletta), fi Pjazza San Ġorġ, taħt id-direzzjoni ta’ Mro John Galea.
9.15pm: Marċ mill-banda Prekursur (ix-Xewkija), minn Pjazza San Ġorġ sa Pjazza San Franġisk, fejn tesegwixxi programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Tonio Borg.
9.30pm: Fi Pjazza San Ġorġ, eżekuzzjoni mill-banda ċittadina u dekana La Stella ta’ l-innu immortali A San Giorgio Martire (1931), versi tal-Prof. Luigi Billion u mużika ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella (1895-1974), taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella.
10.00pm: Marċ singulari u kolossali bis-sehem taż-żewġ baned ċittadini La Stella u King’s Own (il-belt Valletta), li matulu jdoqqu flimkien bħala massed band fi Triq ir-Repubblika. Logħob kbir tan-nar fi Pjazza San Franġisk.

IL-ĦADD 20 TA’ LULJU
IS-SOLENNITÀ TA’ SAN ĠORĠ

8.00am: Il-kapitlu u l-kleru tal-kolleġġjata urbana jakkumpanjaw proċessjonalment lill-isqof djoċesan mill-palazz veskovili sal-bażilika Ġorġjana. Kant tat-Terza fis-sagristija l-kbira.
8.20am: Wasla ta’ l-E.T. Dr Edward Fenech Adami, president tar-Repubblika ta’ Malta.
8.30am: KONĊELEBRAZZJONI PONTIFIKALI PPRESEDUTA MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX U DEKAN TAL-KOLLEĠĠJATA, ASSISTIT MINN RAPPREŻENTANTI TAL-KAPITLU KATIDRALI, IL-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA LATERANENSI, IL-KLERU TAL-BAŻILIKA URBANA, U MEMBRI TAL-KLERU SEKULARI U RELIĠJUŻ. L-ISQOF JINSEĠ OMELIJA B’TIFĦIR U GLORJA LIL SAN ĠORĠ, PATRUN TAD-DJOĊESI. L-ASSEMBLEA TKUN TAĦT IL-PATROĊINJU TAL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA, L-E.T. DR EDWARD FENECH ADAMI.
Tiġi esegwita l-Mass in D in honour of St George “Princeps Martyrum” (1976) għal solisti, kor a 4 voci dispari u orkestra, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella tal-bażilika u surmast direttur tal-banda ċittadina La Stella. Jieħdu sehem is-solisti Miriam Cauchi (sopran), Antonino Interisano (tenur) u Jaki Jurgec (baritonu).
11.00am: Marċ brijuż u popolari fiċ-ċentru tal-belt Victoria bis-sehem tal-baned San Ġorġ (Ħal Qormi) u Stella Maris (Tas-Sliema).
5.00pm: L-aħħar Quddiesa tal-ġurnata.
6.00pm: Ċelebrazzjoni pontifikali tat-Tieni Għasar tas-solennità, mill-kapitlu tal-kolleġġjata urbana u l-kleru tal-bażilika, ippreseduta mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, isqof emeritu ta’ Għawdex u dekan emeritu tal-kolleġġjata.
Jiġu esegwiti s-salmi tat-Tieni Vespri ta’ San Ġorġ, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, mill-kor Laudate Pueri tal-bażilika.
6.15pm: Marċ mill-banda ċittadina La Stella, minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.
7.00pm: Tibda ħierġa l-purċissjoni pontifikali waqt li l-banda ċittadina La Stella tilqa’ l-ħruġ solenni ta’ l-istatwa titulari tal-Patrun tal-belt u l-gżira bl-innu reliġjuż Georgius natus est (1984), versi tal-Kan. Joe Mejlak (1944- ) u mużika tal-Prof. Joseph Vella.
7.15pm: Il-banda ċittadina La Stella ssellem lil San Ġorġ, Patrun tad-djoċesi, bl-eżekuzzjoni ta’ l-innu l-kbir immortali A San Giorgio Martire, versi tal-Prof. Luigi Billion u mużika ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella, bis-sehem tat-tenur Antonino Interisano (l-Italja), il-baritonu Jaki Jurgec (is-Slovenja) u l-kor tas-soċjetà filarmonika.
Kien dan l-innu li fl-1931 beda t-tradizzjoni ta’ l-innu l-kbir fil-ftuħ tal-purċissjonijiet titulari, liema tradizzjoni ġiet adottata mill-parroċċi l-oħra kollha ta’ Għawdex.
7.30pm: TIBDA TIMMARĊJA L-PURĊISSJONI PONTIFIKALI, IMMEXXIJA MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX U DEKAN TAL-KOLLEĠĠJATA, BIS-SEHEM TAL-KAPITLU U L-KLERU TAL-BAŻILIKA, L-ORDNIJIET RELIĠJUŻI TAL-BELT VICTORIA, IS-SEMINARISTI TAD-DJOĊESI, U L-FRATELLANZI TAL-KNISJA PROTOPARROKKJALI U ARĊIMATRIĊI. TAKKUMPANJA L-BANDA ĊITTADINA U DEKANA LA STELLA BID-DAQQ TA’ INNIJIET RELIĠJUŻI.
7.45pm: Marċ mill-banda Nicolò Isouard (il-Mosta), minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza San Ġorġ, fejn tesegwixxi programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Emanuel Spagnol.
8.00pm: Marċ mill-banda Mnarja (in-Nadur), minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza Indipendenza, fejn tesegwixxi programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Grech.
10.00pm: Dħul trijonfali ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ fil-bażilika urbana fost il-briju u l-kant mill-poplu Għawdxi u Malti ta’ l-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ (1952), versi ta’ Patri Akkursju Xerri OFM (1915-1968) u mużika ta’ Mro Vincenzo Ciappara (1890-1969).
10.30pm: Antifona u barka ewkaristika mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, li bihom jintemmu dawn il-festi prinċipali ta’ Għawdex, f’ġieħ San Ġorġ, sa mill-qedem il-protettur tal-poplu Għawdxi.
11.00pm: Marċ brijuż mill-banda ċittadina La Stella minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.

QUDDIES U QRAR FIL-BAŻILIKA

Jekk irridu li jkollna festa kif tixraq, għandna nimpenjaw ruħna u nħeġġu lil xulxin għall-Qrar u għall-Quddiesa ta’ kuljum fil-jiem tal-festa. F’San Ġorġ il-Qrara tajba u t-Tqarbina huma essenzjali. Bħas-soltu l-Qrar jista’ jsir fil-ġranet kollha tal-festa, imma l-penitenti huma mitluba biex jaħsbu kemm jista’ jkun fil-jiem ta’ qabel, f’ħinijiet barra mill-funzjonijiet.

Il-Quddies f’jum il-festa jkun hekk:
Fil-għodu: 4.00, 5.00, 6.00, 6.30, 7.00, 7.30 (fil-bażilika), 8.00 (fiċ-ċentru parrokkjali), 8.30 (fil-bażilika), 10.00 (fiċ-ċentru parrokkjali), 11.00 u 12.00 (fil-bażilika).
Fil-għaxija: 4.00 u 5.00 (fil-bażilika).

IKONA PRESIDENZJALI F’JIEM IL-FESTA

Bi tradizzjoni mibdija fi żmien l-E.T. il-Prof. Guido de Marco, din is-sena wkoll l-E.T. Dr Edward Fenech Adami, president ta’ Malta, qed jogħġbu jibgħat għal jiem ta’ qima fostna l-ikona Russa ta’ San Ġorġ miżmuma fil-palazz presidenzjali ta’ San Anton, Malta. Ix-xbihat tal-martri huma għajnuna biex inħossu l-preżenza konkreta tal-qawwa ta’ Alla fostna.

L-ikona tkun esposta fil-bażilika u, filwaqt li nammiraw il-ġmiel tagħha, għandna niftakru f’ħutna l-Kristjani li jgħixu fl-artijiet tar-Russja u nitolbu għal għaqda akbar bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi tal-Lvant.

MUŻIKA SAGRA FIL-BAŻILIKA

Napprezzaw l-impenn kbir li sar biex il-kompożizzjonijiet ta’ mużika sagra unika li għandna jiġu esegwiti bl-aqwa mod possibbli. Il-mużika tkun esegwita mill-kor tal-bażilika Laudate Pueri u l-Victoria Festival Orchestra. Għall-okkażjoni l-kor jiġi kkumplimentat b’koristi Maltin u barranin, fosthom mill-kor pontifiċju Cappella Sistina u l-Coro dell’Accademia di Santa Cecilia, kif ukoll solisti lokali u barranin.

Il-mużika fil-bażilika, kemm fil-jiem tat-Tridu u kemm lejlet u nhar il-festa, tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella. Il-mużika fil-bażilika matul il-festa hi organizzata mill-Kan. George J. Frendo, assistent maestro di cappella, u Dr Maria Frendo, leader tal-kor Laudate Pueri. Is-solisti huma s-sopran Miriam Cauchi (Malta), it-tenur Antonino Interisano (l-Italja) u l-baritonu Jaki Jurgec (is-Slovenja). CDs bil-mużika esegwita jistgħu jinkisbu mill-bażilika.

TRASMISSJONIJIET TAL-FESTA BIR-RADJU U L-WEBSAJT

It-trasmissjonijiet bir-radju jsiru għal dawk li ma jistgħux jiġu l-knisja. Fil-każ ta’ l-anzjani r-radju hu għajnuna, fil-każ ta’ min m’hux ir-radju jsir strument ta’ abbuż. It-trasmissjonijiet u r-ritratti permezz tal-websajt huma għal dawk li huma ħafna ‘l bogħod minna. Infurmaw lill-emigranti tagħkom b’dan.

Mit-22 ta’ Ġunju 2008 ir-radju tal-parroċċa Leħen il-Belt Victoria (104FM Mhz Stereo) ixandar bi skeda sħiħa l-funzjonijiet liturġiċi u l-attivitajiet esterni kollha marbuta mal-festa, flimkien ma’ programmi reliġjużi, kulturali u ta’ attwalità, mill-istudjows fi Pjazza San Ġorġ, mill-bażilika Ġorġjana, miċ-ċentru parrokkjali, u mill-pjazez u t-triqat tal-belt Victoria.

Il-funzjonijiet kollha tal-festa jistgħu jiġu segwiti fuq il-websajt tar-radju www.lbv104.com, li tista’ tintlaħaq ukoll mill-websajt tal-bażilika www.stgeorge.org.mt u mill-websajt tas-Soc. Filar. La Stella www.lastella.com.mt.mt, fejn mhux biss jinstemgħu t-trasmissjonijiet kollha, imma jkun offrut ukoll servizz immedjat u estensiv ta’ ritratti ta’ l-attivitajiet festivi.

OPRI U XOGĦLIJIET EWLENIN FIS-SENA 2008

BAŻILIKA SAN ĠORĠ

• Restawr fuq il-lampier il-kbir tal-bażilika, minn George Farrugia.

• Arġentar tal-gandlieri ta’ l-artal maġġur tal-bażilika.

SOĊJETÀ FILARMONIKA LA STELLA

GĦAQDA ARMAR FESTA SAN ĠORĠ

• Statwa ġdida ta’ San Ġorġ, Patrun ta’ Għawdex, minn Michael u Adonai Camilleri Cauchi.

• Sett ġdid ta’ pavaljuni tad-drapp (disinn: Joseph Cauchi) għal Triq Palma.

• Seba’ pavaljuni ġodda tad-dawl (disinn: Joseph Cauchi) għal Triq Karità.

• Tlestija tad-dekorazzjoni tal-pedestalli (disinn: Renzo Gauci) ta’ San Ġorġ taż-żiemel, Ġerunzju u Polikronja fi Pjazza San Ġorġ.

• Bidu tal-pittura (Joseph Cauchi) tal-bandalori ta’ Pjazza Indipendenza.

• Restawr minn Austin Camilleri ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ li tittella’ Pjazza San Franġisk.

• Restawr ta’ għaxar pedestalli li jintramaw fi Pjazza San Franġisk.

• Restawr minn George Mizzi ta’ waħda mill-istatwi ta’ anġli li jintramaw fi Pjazza San Franġisk.

GĦAQDA TAN-NAR “SAN ĠORĠ MARTRI”

• Xbieha illuminata ta’ San Ġorġ (disinn: George J. Cutajar Zahra) għal fuq l-għolja ta’ Gelmus.

• Żewġ arbli u bnadar għal fuq l-għolja ta’ Gelmus.