Join Us On:

News Archive

PRODUZZJONI KBIRA FIT-TEATRU ASTRA F’APRIL

Għaliex jien? – Il-Passjoni b’Differenza huwa l-isem ta’ musical li bħalissa qed jitħejja fi ħdan it-Teatru AstraDin il-produzzjoni qed isir b’inizzjattiva mill-Għaqda ta’ l-Armar u l-atturi tat-Teatru Astra f’kollaborazzjoni ma’ l-istess Teatru fi ħdan is-Soċjetà La Stella. Kif jixhed l-istess isem, dan il-musical jittratta b’mod kontemporanju, storja marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fil-fatt dan id-dramm ser jittellla s-Sibt, 2 ta’ April 2011, proprju waqt iż-żmien sabiħ u qaddis tal-Ġimgħa l-Kbira.
 
Il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dan il-musical saret nhar il-Ħadd 5 ta’ Diċembru 2010, fis-sala fit-Teatru Astra, fl-10.00am. Numru sabiħ ta’ persuni u voluntiera attendew għal din l-attività. F’din l-okkażjoni, ġie mniedi b’mod uffiċjali dan il-musical u ngħataw diversi dettalji relatati miegħu. Fil-fatt il-preparamenti ilhom li bdew, u illum, kważi erba’ xhur biss il-bogħod mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-musical u aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, l-attività marbuta ma’ din l-produzzjoni qed tintensifika. Ix-xogħol fuq il-palk beda. Il-provi għal dan il-musical huma mistennija li jibdew fil-ġranet li ġejjin. It-Teatru Astra hu sinonimu ma produzzjonijiet marbuta mal-Gimgha l-Kbira li saru matul l-istorja tat-Teatru, u din l-produzzjoni mhux ser tagħmel għajb lil din ir-reputazzjoni. Il-musical Għaliex Jien? jippromettili jkunspettaklu ta’ kant, reitazzjoni, xenarju u dwal.
 
Il-musical li hu kitba ta’ Joe Chircop, ser jkun immexxi minn Mario Tabone u mill-istess Joe Chircop. Fih se jieħdu sehem l-aqwa talent vokali Malti fost l-oħrajn Mark Tonna u Georgina. Dan id-dramm se jinvolvi cast imdaqqas ta’ nies u professjonisti, u hu mistenni li jiġbed l-interess ta’ diversi kurjużi u ta’ dawk kollha li huma nteressati fil-Ġimgħa l-Kbira u għandhom dan iż-żmien partikolari ta’ matul is-sena għal qalbhom. 
 
Produzzjoni bħal din tgħin bil-kbir lit-Teatru Astra fuq livelli differenti.  Minbarra li ħa jiġġenera attività ħajja kemm fuq il-palk u fid-dintorn, fil-produzzjoni u fil-marketing se jlaqqa’ flimkien ħafna atturi kemm veterani u żgħażagħ u kif ukoll atturi oħrajn li nistgħu ngħidu li m’humiex daqshekk midħla tat-Teatru tagħna. Fil-fatt, fil-ġranet li ġejjin se tibda l-kampanja pubbliċitarja biex nirreklamaw dan il-musical.
 
Mil-lum, u minn hawn, nawguraw lil dawk kollha li se jagħmlu parti minn dan il-musical li ġa qed jiġbed l-attenzjoni ta’ diversi persuni, performance mill-aqwa, biex b’hekk it-Teatru Astra jkompli jkun it-teatru li fih jittellgħu l-aqwa produzzjonijiet teatrali fi gżiritna.
 
Dan is-sit ser jkompli jżomm lill-pubbliku aġġornat b’ dak kollu li jkun qed jiġri fuq il-palk tat-Teatru Astra b’rabta ma’ din il-produzzjoni.