Join Us On:

News Archive

POPLU “IN FESTA”

Il-festa ta’ San Ġorġ, fil-qalba tal-Belt Victoria, titqies bħala waħda mill-festi prinċipali tal-gżejjer Maltin, li minħabba l-kompletezza u l-eċċellenza ta’ l-elementi varji li jiffurmawha, tiġbed id-dilettanti mill-erba’ rjiħat ta’ Malta u ’l hinn. Il-folol li ħonqu l-BeltVictoria matul il-ġimgħa tal-festa kienu xhieda elokwenti ta’ dan.

Matul iż-żmien, l-organizzaturi tal-festa għarfu jikkonsolidaw it-tradizzjoni u jintroduċu inizjattivi li stagħnew bil-kbir iċ-ċelebrazzjonijet ta’ natura reliġjuża, ta’ fidi, kultura u storja li huma l-erba’ elementi bażiċi tal-festa Maltija. Tant li bir-raġun kollu u fil-fatt, il-festa ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria, li tagħha hu l-Patrun sa miż-żmien li r-Rabat kien ifisser u kien identifikat mal-gżira Għawdxija, hija meqjusa bħala r-regola tal-festa fuq bażi nazzjonali.

Biex ħaġa tkun tassew tajba, l-elementi kollha li jiffurmawha jridu jkunu tajbin u ta’ livell ugwali. Dan kien il-prinċipju li ggwida l-organizzaturi tal-festa, iġifieri l-Bażilika ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà Filarmonika ewlenija La Stella, matul iż-żmien. Għal dan ħadmu, għadhom jaħdmu bis-sħiħ, u jekk Alla jrid, hekk jibqgħu jagħmlu. L-artikolazzjoni preċiża tar-rwoli u l-kumplimentarjetà tagħhom, flimkien mal-kollaborazzjoni eżemplari bejniethom, assigurat livell dejjem ogħla ta’ festa integrali, li fl-ebda mument ta’ l-iżvolgiment tal-festa ma ssib “overlapping” ta’ ċelebrazzjonijet “esterni” fuq dawk “interni”. Il-viżjoni tal-festa hija ċara u bla ambigwità. Hija festa essenzjalment reliġjuża fid-diversi manifestazzjonijiet tagħha: sew fuq ġewwa sew fuq barra. Ċertament li din il-kwalità li tunifika l-festa hija l-kalamita li tiġbed, u tagħmel il-festa ta’ San Ġorġ festa ta’ poplu.

L-inklussività fid-diversità tar-rwoli hija l-karatteristika tal-festa tassew nisranija. Il-Knisja f’kull żmien kienet ispirazzjoni u strument ewlieni għall-ħolqien ta’ kultura; kienet aġent prinċipali ta’ promozzjoni umana fl-aspetti kollha tagħha. U dan hu preċiżament li wieħed seta’ jduq fil-festa Ġorġjana. Fil-festa ma sar xejn li ma jsirx matul is-sena liturġika u soċjali. Li sar hu li kien hemm konċentrazzjoni fi żmien relattivament qasir tad-doni ta’ fidi, karità u tama, li huma l-għejjun tal-ħajja nisranija u tal-kreattività artistika li tagħti dak it-timbru partikulari liċ-ċelebrazzjonijiet li jdommu l-festa u jagħmlu minnha bħal tapezzerija li tpaxxi u tgħolli l-ispirtu tal-bniedem ’il fuq.

Għidt żmien relattivament qasir, għaliex il-festa ta’ San Ġorġ ta’ dis-sena fetħet formalment fit-8 ta’ Ġunju bil-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival. Dan il-Festival Internazzjonali li ġie deskritt mill-Prof. Maurice Cauchi, f’artiklu fl-istampa lokali bħala “rivoluzzjoni siekta tal-festa Maltija”, stagħna b’dimensjoni kulturali u artistika ta’ livell għoli ferm il-festa Ġorġjana. Biżżejjed ngħidu li din is-sena, il-Fesival li beda fit-8 ta’ Ġunju u għalaq b’kunċert mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-vjolonċellista ċelebri Daniel Veis u l-kor tal-Bażilika Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella nhar l-14 ta’ Lulju, kien fih mhux inqas minn 31 kunċert differenti li matulhom ġew esegwiti 260 silta ta’ 140 kompożituri differenti bil-parteċipazzjoni ta’ ’l fuq minn 600 mużiċist li huma ġejjin mir-Renju Unit, l-Italja, l-iSlovenja, l-Awstrija, ir-Russja, Franza, in-Norveġja, ir-Repubblika Ċeka, l-Armenja, l-Ungerija u r-Rumanija minbarra l-artisi lokali. Dan il-Festival kompla jistabilixxi lill-Bażilika ta’ San Ġorġ bħala ċentru ta’ kultura nisranija, promotriċi ta’ edukazzjoni ta’ l-ispirtu u bejta ta’ inizjattivi innovattivi li jġibu flimkien nies minn ambjenti differenti jaħdmu flimkien għat-tisdiq tas-sbuħjia li waħedha kapaċi tgħolli ’l fuq u tesponi l-bniedem għas-Sbuħija oriġinali u l-Awtur ta’ kull perfezzjoni: Alla l-Imbierek.

Tassew, jekk hemm kelma li tikkaratterizza l-festa Ġorġjana hija propju din: sbuħija. Iċ-ċelebrazzjonijiet litruġiċi fil-Bażilika huma magħrufin sew għad-dinjità, serjetà u l-attenzjoni metikoluża għad-dettalji kollha li jixirqu lill-azzjoni divina tal-Liturġija. Il-parteċipazzjoni assidwa u eżemplari tal-assemblea liturġika hija manifestazzjoni ta’ fidi mgħixha u espressa bl-aħjar mod possibbli. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ tgawdi isem tajjeb ħafna għall-impenn kostanti li tagħmel minn kollox sabiex l-azzjoni divina Liturgika tkun espressa bl-aħjar mod għall-akbar glorja ta’ Alla u għall-edifikazzjoni tal-assemblea liturġika. Dan iseħħ matul is-sena liturġika kollha u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa mhux eċċezzjoni. Il-mużika sagra liturġika inkludiet il-kant Gregorjan u polifoniku u kompożizzjonijiet tal-kompożituri, ulied il-parroċċa, Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925) u Joseph Vella. Kulħadd jaf bil-kwalità tal-mużika sagra li tiġi esegwita. Mhux ta’ b’xejn li l-Bażilika kienet mimljia daqs bajda ħin qabel ma bdew il-funzjonijiet sagri.

Jekk is-sbuħija hija n-nota karatteristika li kkwalifikat ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Bażilika, xejn inqas ma hi n-nota karatteristika li kkwalifikat l-manifestazzjonijiet ċelebrattivi li jsiru fil-Belt Victoria. Il-belt ssir bħal mużew għall-apert għal matul il-jiem tal-festa. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella sa mill-bidu, iġifieri sa mill-1882 meta kienet ingħatat l-inkarigu u l-unur li torganizza l-festi esterni tal-Patrun tal-Belt u tad-djoċesi, ħasbet sabiex ikollha armar u tiżjin ta’ kwalità. Dejjem għarfet li hu ferm faċli li tissagrifika l-kwalità għal medjokrità li tgħammex l-għajnejn iżda ma tissodifax l-għatx għall-perfezzjoni. Għall-grazzja t’Alla, din it-tradizzjoni fi ħdan is-Soċjetà, inżammet u ssedqet. Xhieda ta’ dan hi l-kwalità għolja ferm tat-tiżjin ta’ l-ambjenti kollha tal-Belt Victoria, tiżjin li hu frott ta’ konservazzjoni u innovazzjoni, li bħal każi oħra serva u qed iservi ta’ ispirazzjoni għall-inizjattivi simili fil-festi parrokkjali. It-tim ta’ l-armar fi ħdan is-Soċjetà La Stella trid ittellaq miegħu biex tinduna kemm int ’il bogħod minnu! U mhux f’dan id-dipartiment biss ta’! Fost l-inizzjattivi innovattivi li ttieħdu, ta’ min isemmi t-tiġrijiet taż-żwiemel li mill-Ħadd il-festa wara nofsinhar bdew isiru t-Tnejn tal-ġimgħa tal-festa filgħaxija. Dan kien suċċess kbir, suċċess ta’ pubbliku li ħonoq mhux biss ġnub Triq ir-Repubblika, iżda l-madwar. Din mhix ħlief inizjattiva waħda f’sensiela ta’ inizjattivi li bil-mod qed jiġu adottati f’festi oħra. Bħas-soltu!

Il-moderazzjoni u s-sens ta’ dekor huma l-linji gwida taċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-Belt Victoria. Hija festa tal-familja fejn kulħadd iħossu mhux biss komdu, iżda fejn kulħadd, lokali u barranin, jispiċċa jingħaqad f’vuċi waħda, “Ġorġi tagħna min qatt bħalek!” Attenzjoni partikulari dejjem ttieħdet sabiex jiġu evitati akkost ta’ kollox l-eċċessività, speċjalment fejn jidħol il-ħruq tan-nar. L-għaqda li tieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-ħruq tan-nar, għarfet toffri spettaklu ta’ kwalità, fil-limiti tad-deċenzja u rispett lejn kulħadd. Fuq kollox din hi l-policy li dejjem iggwidat iċ-ċelebrazzjonijiet: l-ebda element ma jispikka a żvantaġġ ta’ elementi oħra. U għalhekk il-festa’ ta’ San Ġorġ hi magħrufa bħala l-festa integrali, u mhux sempliċment għal xi element partikulari tagħha biss. Il-Banda La Stella, bħal dejjem, kienet il-pern li fuqu jduru l-marċijiet brijużi kolossali li jiġbdu xmajjar ta’ nies lejn it-toroq prinċipali tal-Belt. Il-marċ uniku ta’ Lejlet is-Sollennità fejn iż-żewġ baned prinċipali tal-Gżejjer Maltin, La Stella u l-King’s Own tal-Belt Valletta, idoqqu bħala massed band, kien għal darba oħra spettaklu fih innifsu, apparti mill-manifestazzjonijiet dekorużi u brillanti ad unur tal-Qaddis Patrun u tas-Soċjetà La Stella, organizzati mill-kumitat tal-briju. Li verament jolqtok matul il- marċijiet li saru, hi mhux sempliċment il-parteċipazzjoni massiva tan-nies, daqskemm il-profil tassew meqjus tal-preżenza tal-forzi taż-żamma ta’ l-ordni. Donnu pulizija ma kienx hemm. U l-anqas ma kien hemm għalfejn. Tassew, San Ġorġ hi l-festa tal-familja, fejn wieħed igawdi mingħajr biża’ u tensjoni ta’ xejn. L-għaqal, il-perseveranza u l-kuraġġ li jittieħdu deċiżjonijiet f’waqthom assiguraw festa li qed ingawdu llum u j’Alla nibqgħu ngawdu ’l quddiem.

’Il fuq minn mitt sena ilu, preċiżament fl-1895, is-sur Anton Tabone, allura teżorier tas-Soċjetà Filarmonika Il Leone tal-Belt Victoria, f’rikors li kien intbagħat mill-imsemmija Soċjetà lill-Isqof Giovanni Maria Camilleri, tenna li “la festa di San Giorgio e’ la festa piu’ popolare del paese”. Stqarrija ta’ fatt: dan hu fl-istess waqt ġieħ u obbligu; unur u responsabbiltà. Dan l-obbligu u din ir-responsabbiltà huma l-ixprun li jħeġġeġ dinamiżmu dejjem aktar kreattiv li jassigura l-popolarità fis-sens l-iktar nobbli u wiesa’ tal-kelma tal-festa ta’ San Ġorġ: tassew mhux iktar festa ta’ poplu iżda poplu “in festa”.

(Dan huwa l-artiklu prinċipali tal-ħarġa t’Awwissu tar-rivista “TA’ L-ISTILLA”. Ir-Rivista, li tat ħarsa lejn il-festa ta’ San Ġorġ li għadna kif iċċelebrajna x-xahar li għadda, ser titqassam lill-parruċċani fi tmiem il-ġimgħa)

ritratti: Joe Attard

16/08/2008