Join Us On:

News Archive

PONTIFIKAL SOLENNI F’ĠIEĦ SAN ĠORĠ

Il-festa l-Kbira tal-Belt Victoria laħqet il-qofol tagħha il-Ħadd 15 ta’ Lulju 2007, ġurnata ddominata sa minn sbieh fil-għodu b’attività reliġjuża, tradizzjonali u kulturali, ġurnata li tagħti l-akbar merħba lill eluf kbar ta’ Għawdxin, Maltin, barranin u emigranti li kollha jiġu sabiex jagħtu qima lil Ġorġi tagħna.

Iva, din hija l-festa l-kbira tal-Belt Victoria, il-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin kollha, l-festa l-kbira ta’ Malta, għaliex eluf ta’ Maltin ta’ kull sena jinpenjaw irwiehom sabiex jingħaqdu magħna l-Ġorġjani u l-Għawdxin kollha sabiex jagħtu gieħ lil dan il-kbir qaddis megalomartri, San Ġorġ. Tabilħaqq, kif ingħad għal sekli shah, dan il-qaddis żagħżugħ ġibed warajh l-imħabba mhux ta’ belt jew tnejn jew tlieta, imma ta’ nazzjonijiet interi, mill-Lvant sal-Punent, kollha jqimu b’imħabba liema bħalha lilek O Ġorġi tagħna!

U Għawdex reġa’ sebaħ fuqu jum ġdid, nhar il-15 ta’ Lulju 2007, jum ta’ festa kbira f’din il-belt antika li marret twaqqaf bażilika u monument mill-isbaħ f’gieħek. Belt li marret iżżejjinlek il-pjazzez u t-triqat tagħha b’armar li jixraq lilek, armar li huwa l-għira ta’ kull min jarah, armar li ftit li xejn naraw bħalu kemm f’Malta u bil-bosta aktar ġewwa Għawdex tagħna.

Il-bażilika ta’ San Ġorġ, mimlija daqs bajda bil-poplu nisrani, tagħtek merħba, iva merħba kbira, merħba permezz tar-Ragħaj tad-djocesi tagħha l-Isqof Mario Grech, merħba permezz tal-Kapitlu Ġorġjan immexxi minn Mons Ġużeppi Farrugia, Arċipriet ta’ beltna, u membri oħra reliġjużi, merħba mill-poplu tiegħek li nġabar għal ġimgħa sħiħa bi ħġaru madwarek, sabiex ilkoll flimkien ingħaqdu f’solennità fejn int, għażiż Ġorġi, ingħatajt qima, ġieħ u glorja.

Fost il-mistednin ingħaqdu magħna b’unur għalina s-Sindku tal-Belt Victoria s-sur Robert Tabone u s-sinjura Tabone, L-Onor Speaker u s-sinjura tiegħu, l-Onor Ministru għal Għawdex u s-sur Debono, Dr Joseph Grech, President tas-Soċjetà La Stella u s-sinjura Grech, s-Sur Paul Zammit, viċi President tas-Soċjetà u s-sinjura Zammit, is-sur Dolindo Cassar, segretarju u s-sinjura Cassar flimien ma’ diversi mistednin distinti oħra.

Tabilħaqq Pontifikal Solenni, Pontifikal immexxi minn Mons Mario Grech, l-Isqof tagħna. Ma nistgħux ma nsemmux l-akkumpanjament tan-noti stupendi ta’ l-orkestra bis-sehem speċjali ta’ tliet solisti u l-kor il-kbir ‘Laudate Pueri’ immexxija mill-Prof Joseph Vella, l-famuża ‘Mass in D’ ‘Princeps Martyrum’ quddiesa li kabbret din l-okkażjoni annwali fil-bażilika Ġorġjana, quddiesa li hi u tibqa l-ewlenija fil-gżejjer tagħna. Kemm intqal ġust u tajjeb li hawnhekk, waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kbar tħossok wisq qrib il-ġenna!!

Wara l-quddiesa ngħata riċeviment lill-mistednin preżenti u mbagħad l-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia ospita lil diversi mistednin tiegħu u tal-parroċċa għal pranzu Ġorġjan fil-bini ġdid anness mal-bażilika., pranzu ppreparat tajjeb ħafna mix-chef tagħna Ċensu Fenech. Ta’ min jgħid li l-mistednin kienu jinkludu lill-Eċċ. Tiegħu Mons Isqof Grech, diversi membri tal-kapitlu u kollaboraturi tal-bażilika.

Din mela, hija l-ewwel parti tal-ġurnata tal-Ħadd, ġurnata li fiha komplew bil-kbir iċ-ċelebrazzjonijiet Ġorġjani, ċelebrazzjonijiet liema bħalhom, uniċi f’gżiritna!

ritratti: Joe Attard