Join Us On:

News Archive

PEDESTALL MONUMENTALI ĠDID F’ĠIEĦ SAN ĠORĠ PATRUN T’GĦAWDEX

L-Għaqda Żgħażagħ La Stella fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li hi responsabbli mill-briju waqt il-marċijiet tal-Festa ta’ San Ġorġ, tul dawn l-aħħar snin kompliet taħdem u ttriplat l-isforzi tagħha biex il-Festa ta’ San Ġorġ tibqa’ tabilħaqq l-aktar festa popolari tal-gżira kif kienet sa mill-bidu nett tagħha. L-Għaqda Żgħażagħ La Stella  tieħu ħsieb tipproduċi u tiffinanzja elementi mill-aktar importanti fil-Festa, fosthom l-ispettaklu li jsir waqt il-marċ tat-tieni jum tat-tridu, l-ispettaklu tan-nar sinkronizzat mal-mużika nhar lejlet il-festa, l-ispettaklu tal-karti fil-marċ ta’ filgħodu, kif ukoll aspetti oħra marbuta mal-briju.

Hekk kif ninsabu ftit xhur ’il bogħod mill-Festa tal-2017, l-Għaqda Żgħażagħ La Stella bi pjaċir tħabbar li ser tkun qed tidħol għal proġett ġdid: il-Pedestall Monumentali f’ġieħ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex. Dan il-proġett ser ikun qed jitqassam fuq numru ta’ snin. Id-disinn tal-pedestall sar minn Adonai Camilleri Cauchi. L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li mistennija tieħu sentejn, tinkludi x-xogħol kollu fl-injam minn Pascal Woodworks. Dan il-pedestall hu stmat li jiġi jiswa s-somma totali ta’ €35,000. Din is-somma tinkludi x-xogħol kollu fl-injam, disinn u grandiment, u d-dekorazzjoni kollha ta’ dan il-pedestall. Din is-somma ma tinkludix xogħol bħal irħamar, induratura u skultura li jsir fuq bażi volontarja, mingħajr ebda ħlas minn partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Parti minn din is-somma diġà bdiet tinġabar grazzi għall-benefatturi li minnhawn irroddulhom ħajr. Skema apposta ta’ ġbir ser tkun qed titħabbar fil-ġranet li ġejjin.

Ladarba dan il-proġett jiġi ffinalizzat, ser ikun qed jiġi rregalat lill-Għaqda Armar San Ġorġ Martri fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella sabiex jingħaqad mal-kullana ta’ armar li sar fi snin riċenti u armar ieħor antik bi storja rikka ta’ aktar minn mitt sena.L-Għaqda Żgħażagħ La Stella ser tkun qed iżommkom aġġornati b’aktar żviluppi b’rabta ma’ dan il-proġett u tirringrazzjakom bil-quddiem tal-għajnuna finanzjarja tagħkom. Dawk li jixtiequ jikkontribwixxu permezz ta’ donazzjonijiet għal dan il-proġett huma mitluba jagħmlu kuntatt fuq wieħed minn dawn in-numri: George Formosa –79558478, Matthew Zammit – 99274330, jew Matthew Mifsud – 79986502.

Għaqda Żgħażagħ La Stella
23 ta’ April 2017
Jum San Ġorġ Martri

BRIJU LOGO FINAL 1 (1) LOGO PADESTAL

thumbnail_Hamis 1 13716130_10153915647874285_9128661256689195380_n 16107742_10154770198710540_1136577425_o