Join Us On:

News Archive

OTELLO FIT-TEATRU ASTRA – SKEMA GĦALL-ISTUDENTI

otello_13_20090523_1250258369 otello_4_20090523_1546469832 Otello_2003

Shakespeare kiteb id-dramm traġiku Othello fl-1603 u dan hu meqjus wieħed mill-aħjar xogħlijiet tiegħu f’dan il-ġeneru ta’ letteratura.  Għalkemm id-dramm imur lura aktar minn ħames sekli, it-temi prinċipali għadhom validi sal-lum.  L-imħabba u l-firda, il-fiduċja u t-tradiment, il-ħajja u l-mewt… huma kollha faċċati differenti ta’ ħajjitna li jikkawżaw tbatija, uġigħ u faqar.  Dan kollu fid-dinja tal-lum meta suppost qed ngħixu f’soċjetà progressiva li għamlet avvanzi kbar.

Giuseppe Verdi, li din is-sena qed infakkru l-mitejn sena mit-twelid tiegħu, kien affaxxinat b’mod speċjali minn Shakespeare.  Fil-fatt, Otello hija t-tieni opra li huwa bbaża fuq kitba ta’ Shakespeare.  Verdi rnexxielu jġiegħel lill-udjenza tesperjenza dan id-dramm permezz tal-opra, fejn il-kliem tiegħu (ibbażat fuq il-librett ta’ Arrigo Boito) jinbidel f’mużika mill-aqwa.  Dan kollu joħloq esperjenza edukattiva kbira kemm mill-aspett artistiku, mużikali, arkitetturali u letterarju.  Fl-opra wieħed għandu ċ-ċans li jara diversi aspetti artistiċi flimkien – ix-xenarju, id-dwal, il-kostumi, id-disinn, it-teknoloġija u fuq kollox il-mużika.  Ma teżisti ebda forma oħra artistika li tlaqqa’ flimkien tant stili ta’ arti li jikkumplimentaw lil xulxin.

Jekk inti qed tagħmel xi kors fuq it-teatru, l-arkitettura, it-teknoloġija tal-kompjuter, il-letteratura, jew id-disinn, kemm l-Università u kemm f’xi livell ieħor, dan huwa ċans tajjeb biex titgħallem u tieħu pjaċir tara kif id-diversi oqsma jiġu flimkien biex joħolqu biċċa xogħol artistiku mill-aqwa.  Naċċertawkom li tibqgħu sorpriżi kemm ikun hemm żgħażagħ involuti fil-produzzjoni!

It-Teatru Astra qed joffri lill-istudenti numru limitat ta’ biljetti għall-opra bi prezz ridott ta’ €10 għal dawk li jixtiequ jattendu għall-produzzjoni tal-24 ta’ Ottubru, li tibda fis-7.30pm.  Biex wieħed jibbukkja, jista’ jċempel 21550985 jew 79256897, inkella jibgħat email lil [email protected].  Għal aktar aġġornamenti tista’ tidħol fis-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.

(Ritratti: Joe Attard)