Join Us On:

News Archive

ĠORĠI TAGĦNA … BI STENNIJA GĦAL JUM SAN ĠORĠ 2012

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Ġorġ, Patrun ta’ Għawdex, li d-dinja universali tfakkar kull 23 ta’ April, din is-sena s-Soċjetà Filarmonika La Stella sa ttella’ spettaklu ta’ drama u żfin, mużika u dwal, fit-Teatru Astra, il-Belt Victoria, nhar is-Sibt 14 ta’ April 2012, fit-8.00pm.
 
L-Għaqda Armar Festa San Ġorġ, fergħa tas-soċjetà mużikali li kull sena f’Lulju torganizza l-festi esterni f’ġieħ il-qaddis, ħasbet li torganizza din l-attività biex tenfasizza iktar is-sinifikat ta’ Jum San Ġorġ, meta l-Ġorġjani f’Malta u Għawdex u madwar il-globu jiftakru fil-martirju glorjuż tal-Qaddis ta’ Lidda, li l-qima tiegħu hi mifruxa mad-dinja kollha. 
 
Fil-fatt din l-attività ngħatat l-isem Ġorġi Tagħna, espressjoni mislufa mill-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ li Patri Akkursju Xerri ofm kien kiteb fis-snin ħamsin, u li kull Ġorġjan jaf bl-amment… kliem li jiġbor fih l-imħabba kbira li l-Għawdxin għandhom lejn il-qaddis patrun tagħhom u ta’ belthom.
 
Kast ta’ fuq mitt ruħ sa jimla l-palk kbir tat-Teatru Astra, fejn kull sena f’Ottubru tittella’ wkoll l-opra lirika, biex joffri lill-pubbliku spettaklu mżewwaq u ispirat kollu kemm hu minn San Ġorġ, li jinkludi koreografija, żfin u kant minn għadd ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ, kif ukoll qari ta’ letteratura Ġorġjana. Il-produzzjoni tilħaq il-qofol tagħha permezz ta’ rappreżentazzjoni drammatika mill-ħajja ta’ San Ġorġ bit-tema Ħareġ rebbieħ biex jirbaħ, kitba tal-mibki iżda qatt minsi l-Arċipriet Mons. Salv Borg.
 
Ġorġi Tagħna sa tkun tassew festa Ġorġjana ta’ ferħ f’ġieħ San Ġorġ, li għaliha għandhom jattendu bi ħġarhom dawk kollha li jħobbuh. Il-biljetti jiswew €7.00 u l-booking jista’ jsir mit-Teatru Astra, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, jew billi wieħed iċempel fuq 99 021 591.