Join Us On:

News Archive

ORAZZJONI FUNEBRI FIL-FUNERAL TAS-SUR PAUL M CASSAR

Orazzjoni Funebri fil-funeral tas-Sur Paul M. Cassar eks Segretarju Ġenerali u Teżorier, u President tas-Socjeta’ Filarmonika La Stella

11 ta’ Jannar 2021

Bażilika ta’ San Ġorġ

“Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.” (Tim 4, 6-8. 17-18)

Imiss lili, konxju mis-sinfikat tal-mument, u għalhekk bl-libsa ta’ umiltà kbira, biex insellem lill-predeċessur tiegħi fil-presidenza tas-Socjetà Filarmonika La Stella, figura li l-istorja ta’ Beltna u Gżirtina għad trid tagħrfu bħala l-katalist ta’ moviment rinaxximentali fis-Soċjeta’ mużikali u l-Parroċċa li tant kien jgħozz.

Moviment rinaxximentali li tħeġġeġ fis-snin ħamsin tas-seklu li għadda u li xegħel fjamma li dawlet it-triq sabiex setgħet issir l-ġustizzja storika mal-Proto-Parroċċa tal-Belt u l-Gżira, hekk kif kristallizzata fit-twaqqif tal-Kolleġġjata Lateranensi f’din il-Bażilika Ġorġjana.

Moviment rinaxximentali li ħeġġeġ ħafna partitarji tal-istilla u:

– xegħel fjamma li xprunat il-bini tal-akbar każin ta’ banda u Soċjetà Mużikali fil-Gżejjer Maltin,

– fjamma, li xegħlet ħeġġa ġdida fil-Banda Ċittadina La Stella, li, taħt Surmastrijet kbar li mexxejha tagħha għarfu jagħżlu, wasslet l-fjur tal-moviment artistiku qawwi li Għawdex u Beltna dak iż-żmien kien qed jesperjenzaw, fl-ikbar u l-aqwa pjazzez Ewropej,

– fjamma li bniet, dawlet u sebbħet Teatru mill-aktar vibranti li f’anqas minn ħamsin sena twaħħdet miegħu ix-xena kulturali tal-gżejjer Maltin. Tassew ‘Proġett għal dejjem’ – kif inhu artikolat tant tajjeb it-titlu tal-bijografija li jien tant xtaqt li s-Soċjetà tippubblika u li, bi grazzja speċjali kellna x-xorti li nvaraw biss 28 ġurnata ilu.

Pawlu Cassar bla dubju kien l-xprun u l-boxxla ta’ dan il-moviment rinaxximentali, b’ħidma li ġegħlitu ħafna drabi, iva, jitqabad it-taqbida t-tajba, b’ fidi Ġorġjana, bla biża jew favuri, (u hawn qed nissellef waħda mill-ħafna tislimiet li nkitbu fuq il-media soċjali fl’aħħar ġranet), u illum, qed itemm il-ġirja (li rebaħ għalih u għalina), fi ħdan kommunità li ser tibqa ghal dejjem midjuna lejh għax issa tista tgawdi u tgħix fid-dehra tal-proġetti li huwa ħolom u wettaq ma sħabu.

Iva, fid-damma ta’ dawn il-ħsibijiet qosra, imma mill-qalb, b’umiltà imma bi gratitudni, f’isem u flimkien mal-Bandisti, Membri tal-Kumitat u s-Soċji tas-Soċjeta Filarmonika La Stella, ntennu t-tislima tal-aħħar, ispirata mill-versi bibblici tal-qaddis li kont iġġib ismu:

“Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalik l-kuruna tal-ġustizzja.”

Grazzi Pawlu!

Michael Formosa
President
Soċjeta’ Filarmonika La Stella

Il-Belt Victoria
7 ta’ Jannar 2021

‘RECORDING’ TAD-DISKORS

Ritratti tal-funeral mill-fotografu Joe Attard