Join Us On:

News Archive

NOTTE GOZITANA, IT-TEATRU ASTRA U L-BAŻILIKA TA’ SAN ĠORĠ

Il-weekend li għadu kemm għadda, jiġifieri dak mgħammed LEJLET LAPSI – NOTTE GOZITANA ħalla warajh togħma kulturali per eccellenza ma’ l-eluf kbar ta’ Maltin, Għawdxin u turisti li fil-massa tagħhom attendew għal bosta attivitajiet li kienu qegħdin jigu organizzati. Attivitajiet li paxxew, attivitajiet li ferrħu, attivitajiet li ġġeneraw fiduċja, divertiment u kummerċ lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor attendew jew ikkontribwew f’dawn l-iljieli Għawdxin, iljieli maġiċi!!

Għaldaqstant minn dan is-sit nixtiequ ngħidu grazzi lill-organizzaturi ta’ dan il-festival, festival li żgur ser nisimgħu bosta dwaru. Grazzi, għaliex aħna nafu u nifhmu kemm festi bħal dawn jieħdu enerġija, finanzi u organizzazzjoni li għalihom bilfors trid tkun ippreparat sa snienek. Imma l-organizzazzjoni dehret u ntmesset minn kulħadd, kollox sar f’waqtu u kif kien ippjanat. Forsi ’l quddiem noħorġu kummenti u aktar ideat li jistgħu jkomplu jsaħħu dak kollu li assistejna għalih.

Ċertament, li ġewwa l-Każin tagħna, flimkien mat-Teatru Astra, l-atmosfera kienet waħda maġika, l-atmosfera kienet waħda brillanti. Serbut twil ta’ nies ma qata’ xejn sabiex jattendi għas-serati tal-ġenn bis-sehem tal-kummidjanti ZOO, shows li kienu mfawra litteralment bin-nies, kif jixhdu r-ritratti – B’kollox ħames spettakli b’nies jgħoxew bl-istejjer umoristiċi ta’ Zoo. Fil-fatt kien hemm ‘il fuq minn 2000 ruh li hallsu biex dahlu jaraw dan l-ispettaklu. Ma’ dawn wiehed irid izid ukoll l-eluf l-ohra li gew biex izuru l-kazin taghna.

Assistejna għal eluf kbar ta’ nies iduru fil-premises tagħna, li bla dubju jfakkruna fil-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin, dik ta’ San Ġorġ!!

Ta’ minn isemmi ukoll l-attivitajiet li ġew mtella’ fil-foyer tal-każin fosthom wirja interessanti ta’ uħud mill-armar li jintuża fil-festa tagħna kif ukoll wirja bi strumenti antiki li kienu jintużaw fiż-żmien bikri ta’ l-ewwel banda Għawdxija, dik “La Stella”.

Nixtiequ wkoll ngħidu prosit kbir lil dawk kollha li kienu involuti fil-programm intern għal waqt in-Notte Gozitana, ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ, programm li kien tant milqugħ tajjeb minn folol kbar li mlew kull rokna tal-bażilika, taċ-ċentru parrokkjali l-ġdid u l-bjut mżejna ta’ l-istess bażilika fejn minn hemm assistejna għal spettaklu kkulurit ta’ logħob tan-nar mżewqa b’tazza nbid Għawdxija.

U filwaqt li mill-għoli tal-bjut tal-bazilika Ġorġjana tpaxxejna bil-veduti notturni ta’ dil-lejla Għawdxija tfajna ħarsitna lejn il-pjazza ewlenija fil-qalba tal-belt tagħna, Pjazza San Ġorġ, u hemm mill-ġdid assistejna għal massa kbira ta’ nies li sas-sigħat bikrin tal-Ħadd ma’ xtaqux iħallu din il-pjazza popolari, isegwu mużika kontemporanja minn fuq palk armat u bis-sehem ta’ diversi gruppi żgħażagħ li ferrħu lil kulħadd bil-mużika tagħhom.

Dan mela kien Lejlet Lapsi – Notte Gozitana, dawn iva kienu ljieli li żgur se jibqgħu fil-memorji tagħna għal bosta ġimgħat sakemm mill-ġdid ningħaqdu għal serati simili fil-bliet u l-irħula tagħna.