Join Us On:

News Archive

NORMA TA’ TEATRU ASTRA FUQ CANALE 5

Il-produzzjoni Norma ta’ Teatru Astra, li saret darbtejn ix-xahar li għadda, se tintwera fuq l-uniku programm ta’ Canale 5 dwar l-opra u l-mużika klassika, Loggione, li jixxandar nhar is-Sibt fid-8.45am.

Xeni mill-opra, iffilmjati mill-kru tekniku ta’ erba’ min-nies li ġew Għawdex speċifikament għall-opra, flimkien ma’ kummentarju u kritika tal-mużikologu u preżentatur tal-programm, Vittorio Testa, se jixxandru f’dan il-programm kif ukoll xeni miġbuda apposta tal-gżira t’Għawdex hekk kif il-kru zar diversi postijiet ta’ valur storiku, kulturali u sbuħija naturali li se jkun qed juri fuq dan l-istazzjon televiżiv mill-iktar importanti.

Il-kru televiziva nġabet Malta minn Teatru Astra b’kollaborazzjoni kbira tal-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta.

Loggione, issa fit-tmien edizzjoni, kull ġimgħa jwassal numru ta’ produzzjonijiet u kunċerti magħżula, kważi esklussivament fl-Italja, flimkien ma’ intervisti mal-artisti prinċipali u ma’ diretturi mużikali inkella artistiċi. It-tim tal-produzzjoni ta’ dan il-programm hu dak minn TG5. Appuntamenti importanti tal-opra għal Loggione f’dan l-istaġun jinkludu dawk minn Teatro Antico f’Taormina, mill-festival tal-opra Sferisterio f’Macerata, u dak mill-Arena ta’ Verona.

Norma fetħet l-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, li sar bejn is-27 t’Ottubru u d-19 ta’ Novembru. Kantanti internazzjonali ta’ kwalita’ għolja, fosthom is-sopran Dimitra Theodossiou, kienu mqabbda għal din il-produzzjoni flimkien mad-direttur artistiku Enrico Stinchelli li ġab fix-xena operistika f’Malta għall-ewwel darba l-kunċett tax-xenografija diġitali li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-udjenza lokali u barranija.

Fil-fatt, Teatru Astra diġa’ ħabbar li se jkun Enrico Stinchelli li għal darb’oħra jiġi afdat bid-direzzjoni artistika tal-opra għas-sena d-dieħla li se tkun Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini, li tiftaħ il-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea fl-2012. Madama Butterfly se ssir fil-25 u s-27 t’Ottubru 2012.

Iktar informazzjoni tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt jew 21550985. 

(Ritratt tal-Opra: Joe Attard)