Join Us On:

News Archive

Nofs verità agħar minn gidba (3)

F’L-Orizzont tas-16 ta’ Settembru 2009, taħt l-isem Biex tiskonġra trid tkun pur, u fil-ħarġa tal-istess gazzetta tat-13 ta’ Ottubru 2009, taħt l-isem Il-fundatur tal-banda La Stella ta’ Għawdex, is-Sur Anton F. Attard BA(Ġen) ried jagħtina tagħrif fuq il-perit Pietru Attard. Is-Sur Attard għamel l-almu mqanżaħ tiegħu biex jisħaq illi l-perit Pietru Attard qatt ma jissemma mill-partitarji ta’ La Stella qabel il-ħamsinijiet, billi serraħ moħħu fuq dak li qal is-segretarju tas-Soċjetà La Stella f’Il-Berqa tat-28 ta’ Novembru 1963. Minn din l-ittra Attard għoġbu jislet biss tliet kelmiet jew erbgħa minn sentenza sħiħa tas-Sur Pawlu Cassar.
 
Fuq dak li qal is-Sur Attard fuq il-kitba ta’ Pawlu Cassar f’Il-Berqa, hawn nikkwotaw b’mod preċiż dan li ġej: “M’hux veru li l-perit Attard jissemma biss l-ewwel darba fl-1881. Fl-1881 sar it-twaqqif legali tal-banda tagħna. Il-banda kienet ilha titrawwem u titħarreġ bosta snin, u l-perit Attard kien magħruf bħala l-fundatur tagħha sa mill-bidu tat-trawwim u t-tnissil tagħha, għalkemm ismu ma deher qatt u mkien fl-ebda kuntratt” (Festi ċentinarji tal-banda “La Stella”, 3).
 
Hawn qed naraw li hemm baħar jaqsam bejn dak li kiteb is-Sur Cassar u bejn il-messaġġ li ried iwassal is-Sur Attard lill-qarrejja tal-gazzetta, li għandu mnejn isibhom sajmin minn tagħrif sħiħ sinċier.
 
Is-Sur Attard saħaq għal bosta drabi fil-kitbiet tiegħu li l-perit Attard beda jissemma biss fil-ħamsinijiet, fosthom fil-ktieb li ħareġ taħt l-isem It-twaqqif fis-seklu l-ieħor ta’ l-ewwel baned f’Għawdex u fil-ktieb tal-festa ta’ Santa Marija tal-1999, paġni 13 u 14.
 
Inħossni mħasseb, u għandi biex, kif il-kitba ta’ Pawlu Cassar f’Il-Berqa tal-1963 qed nagħtuha interpretazzjoni kompletament differenti, kitba li għandha biss sitta u erbgħin sena ta’ ħajja. Aħseb u ara x’verżjoni nistgħu nagħtuha lill-istorja ekkleżjali tar-Rabat ta’ Għawdex, ta’ erba’ jew ħames mitt sena ilu!
 
Michael Said

Flimkien ma’ din il-korrispondenza qed nġibu wkoll l-ittra ta’ li dehret fil-ġurnal Il-Berqa fit-28 ta’ Novembru 1963.

FESTI ĊENTINARJI TAL-BANDA “LA STELLA”
 
Ir-Rabat, Għawdex
 
Sur Editur,
            Ippermettili ftit spazju biex inwieġeb lill-korrispondent tiegħek “Ġust” li f’“Il-Berqa” tat-18 ta’ Novembru, ikkummenta dwar artikolu li jiena xandart dwar il-festi ċentenarji tal-Banda “La Stella” fil-“Berqa” tas-7 ta’ Novembru.
            L-artikolista anonimu qiegħed quddiem il-qarrejja premessi ineżatti. Għalhekk il-konklużjoni ma setgħetx ma tkunx falza. L-ineżattezzi huma dawn:
1. Mhux veru li l-Banda ta’ l-1863 hija l-ewwel Banda t’Għawdex. Baned f’Għawdex bħal dawk ta’ l-1863 kienu ilhom jeżistu f’Għawdex sa mill-1808.
            2. Mhux veru li l-partitarji tal-Banda “La Stella” jammettu li l-fundaturi tal-Banda ta’ l-1863 kienu Ġorġ Tabone u Adriano Lanzon.
            3. Mhux veru li l-Perit Attard jissemma biss l-ewwel darba fl-1881. Fl-1881 sar it-twaqqif legali tal-banda tagħna. Il-banda kienet ilha titrawwem u tistħarreġ bosta snin u l-Perit Attard kien magħruf bħala l-Fundatur tagħha sa mill-bidu tat-trawwim u t-tnissil tagħha, għalkemm ismu ma deher qatt u m’kien fl-ebda kuntratt. Inżid ukoll li l-Perit Attard ma seta’ jkun qatt fil-banda ta’ Albinu. Mhux biss għaliex bħala professjonist postu ma kellu jkun qatt fil-banda ta’ Albinu, iżda wkoll għaliex il-Perit Attard qatt ma kien bandist, l-anqas ma’ l-istess banda li kien fundatur tagħha.
            4. Mhux veru li hemm bżonn ta’ konnessjoni bejn l-1881 u l-1863, is-sena tat-tnissil tal-banda. Dawn huma żewġ ħwejjeġ għal kollox diversi. Il-banda, filwaqt li twaqfet legalment fl-1881, setgħet titnissel ukoll qabel ħafna l-1863, iżda żgur mhux wara. Il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881, meta twaqqfet legalment il-banda, isemmi s-soċjetà mużikali antika “formante parte dell’antica societa.” kliem li ma nsibuħx fil-kuntratt tal-banda l-oħra. U bil-kelma “antica” nifhmu mhux biss 18-il sena, iżda 30 u 40 ukoll. Iżda aħna ffissajna s-sena 1863 bħala d-data tat-tnissil minħabba li fis-sena ta’ wara, 1864, fir-Rabat kellena żewġ baned distinti u separati minn xulxin, “due bande musicali mettevano il brio in tutte le classi.” U konsegwentment minn waħda minn dawn iż-żewġ baned jekk mhux qabel ukoll tnisslet żgur il-banda ‘La Stella’.
            L-artikolista ffirma il-psewdonomu tiegħu “Ġust”. Il-ġustizzja tiegħu wasslitu biex fil-ħarġa tat-18 ta’ Novembru ikkummenta arbitrarjament il-korrispondenza li jien bħala Segretarju tas-Soċjeta’ ġibt bħala sempliċi tagħrif ġenerali tal-okkażżjoni ċentinarja u ħalla fil-ġenb il-korrispondenza l-oħra, “Għeluq il-Festi Ċentenarji tal-Banda Leone”, iffirmata minn Jos. A., li dehret ukoll fl-istess ħarġa tal-“Berqa” tas-7 ta’ Novembru u biex taħqad, fl-istess paġna 7.
            Imiss lili issa nitlob lill-korrispondent “Ġust” biex juża ftit ġustizzja u jikkummentalna dak li nkiteb dwar it-twaqqif tal-Banda l-oħra minn Jos. A. biex iż-żewġ partiti tal-Belt Vittorja jkollhom kumment minn korrispondent “Ġust” dwar it-twaqqif oriġinali tagħhom.
 
R. Cassar.
Segretarju tal-Banda
“La Stella”.