Join Us On:

News Archive

“NIFIRĦU U NFERRĦU”

“Nifirħu u nferrħu”, dawn kienu l-kliem li bihom fetaħ id-diskors fl-okkażjoni tal-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ Martri, il-WR Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia. Verament kienet okkażjoni ta’ ferħ, f’maqdes maħnuq bin-nies, waqt dan il-jum tant għażiż magħna l-Ġorġjani.

Wara quddiesa fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb immexxija mill-arċipriet emeritu Mons Salv Borg, ingħata bidu għal marċ tradizzjonali minn Taċ-Ċawla mill-Banda Ċittadina La Stella, marċ li tant qiegħed jintlaqa’ tajjeb mill-partitarji tagħna f’dawn l-inħawi, li bla dubju huma fil-maġġoranza. Il-banda ‘La Stella’ li kienet akkumpanjata minn numru kbir ta’ partitarji mmarċjat sa Pjazza San Ġorġ fejn hemmhekk ingħaqdu ma’ mijiet ta’ partitarji li kienu ħerqana jistennewhom fost l-entużjażmu ta’ dawk kollha preżenti.

Hekk kif spiċċa l-marċ kulħadd daħal fil-bażilika sabiex tingħata merħba lill-istatwa ta’ San Ġorġ, il-ħruġ grandjuż min-niċċa tiegħu. Kull rokna tal-bazilika kienet maħnuqa bin-nies ikantaw innijiet lil dan il-kbir martri ta’ Kristu, San Ġorġ. L-istatwa daret il-bażilika u mbagħad f’ħin minnhom l-istatwa, xogħol mastru Pawl Azzopardi, tfaċċat mgħollija fuq l-idejn taż-żgħażagħ tagħna fil-bieb majestuż tal-bażilika fost l-għajjat u kant ta’ innijiet u tifħir lil San Ġorġ tagħna. Flimkien f’dan il-kwadru festiv reġgħet ingħaqdet mal-folla l-Banda ‘La Stella’ bid-daqq ta’ l-innu marċ ferm popolari ad unur San Ġorġ. Dawn huma xeni li mhux faċli tinsiehom minn quddiem għajnejk, xeni li jħalluk kompletament iċċassat, iccassat b’dak kollu li int tkun issegwi, xeni ta’ l-għaġeb, xeni ta’ fidi, xeni ta’ mħabba, xeni li ma narawx bħalhom, xeni purament u esklussivament Ġorġjani.

Fil-messaġġ li għamel l-Arċipriet, appella lill-Ġorġjani, biex ma jonqsux milli jattendu għall-funzjonijiet reliġjużi, li huma l-qofol ta’ kollox f’din il-festa. Fakkar li din minn dejjem kienet festa eżemplari, festa mudell għall-festi l-oħra kollha ta’ gżiritna. “Nifirħu u nferrħu” tenna għal kemm –il darba lill-poplu Ġorġjan, fost l-applawsi w l-ferħ ta’ dawk kollha li attendew.

Wara dawn ix-xeni sbieħ l-istatwa reġgħet iddaħlet fil-bażilka sabiex imbagħad bdew l-aħħar preparamenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Xhieda Kristjana fil-bażilka u madwar l-istatwa ta’ San Ġorġ bit-tema “Kunu ħbieb tal-Vangelu” (San Ġorġ Preca), laqgħa li kienet immexxija mill-Arċ. Mons Ġuzeppi Farrugia, u s-seminarista Francesco Pio Attard. Madwar mitejn zagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem f’din il-laqgħa bis-sehem tal-Grupp 23Four u ‘23Four Youth Band & Choir’ immexxija Richard Grech u Michael Formosa, żewġ żgħażagħ li ma jaqtgħux qalbhom la mix-xogħol u lanqas mill-organizzazzjoni li laqgħa bħal din kienet tirrikjedi.

Intant illejla, jingħata bidu għall-ewwel jum tat-tridu, biċ-ċelebrazzjonijiet fil-bażilika. Filgħaxija mbagħad, isir il-marċ tradizzjonali bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, bis-sehem tal-banda “La Stella” u l-banda “Santa Margerita” ta’ Sannat.

ritratti: Joe Attard