Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU MA’ DUN SIMON

Il-bieraħ il-Ħadd 10 ta’ Lulju, il-komunita’ parrokkjali Ġorġjana ferħet mas-saċerdot novell Dun Simon M. Cachia, li kien qed jiċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu. Ferħet daqstant ieħor miegħu l-banda ċittadina La Stella, li akkumpanjatu mir-residenza tan-nanniet tiegħu fi Triq Alfons Maria Hili lejn Pjazza San Ġorġ bid-daqq ta’ innijiet Ġorġjani u marċi brijużi. Is-saċerdot żagħużugħ kien akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu, ħutu, familjari u ħbieb, flimkien mal-arċipriet Mons. Pawlu Cremona u l-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, li niseġ l-omelija waqt il-quddiesa solenni. Preżenti wkoll numru kbir ta’ ħbieb mill-parroċċa ta’ Sant’ Injazju f’Ruma, fejn Dun Simon kien qed jagħti s-servizzi tiegħu matul l-aħħar xhur. 

Nidħlu fil-ġimgħa tal-festa

Il-festa ta’ Dun Simon ġimgħa eżatt qabel il-jum tal-festa s-17 ta’ Lulju, daħlitna fil-ġimgħa tal-festa, fejn proprju llum isiru t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem fi Triq ir-Repubblika li għalihom mistennija folol kbar li jimlew minn fuq s’isfel it-triq ewlenija ta’ beltna. Min-naħa l-oħra ġewwa l-bażilika, illejla wkoll ser jiġi fi tmiemu l-Victoria International Arts Festival bil-kunċert korali u orkestrali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, bis-sehem tal-kor Laudate Pueri; il-kor ta’ Rochester Cathedral; u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Jieħdu sehem ukoll l-organista Ingliż Scott Farrell; il-vjolinċellista Simon Abdilla Joslin u s-sopran Miriam Cauchi. 

Għada mbagħad il-jum tant mistenni: il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari u l-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa bl-istatwa ta’ San Ġorġ li tittella’ fi Pjazza San Franġisk.  Iżda dwar dan nitkellmu aktar fid-dettall fl-aġġornament li jmiss.