Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LIT-TENUR JOSEPH CALLEJA

It-tenur Malti Joseph Calleja dan l-aħħar ngħata l-midalja tad-deheb 2007 tas-Soċjetà Maltija ta’ l-Arti, Manifattura u l-Kummerċ waqt ċerimonja li saret fil-Casino Maltese, il-belt Valletta. Huwa ngħata dan il-premju bħala rikonoxximent għas-suċċessi internazzjonali miksuba minn Joseph Calleja fil-karriera mużikali tiegħu. Dan il-premju ġie ppreżentat lilu mill-President tar-Repubblika Dr Edward Fenech Adami.

It-tenur Joseph Calleja beda t-triq tas-suċċess mit-teatru tagħna, fejn iddebutta fl-irwol ta’ Macduff fl-opra ‘Macbeth’ fl-1997. Minn dakinhar ’l hawn Calleja ħa sehem f’żewġ produzzjonijiet oħra fit-teatru tagħna: fl-opra ‘La Boheme’ fl-2005 u fl-opra ‘Macbeth’ ftit tax-xhur ilu. Għalina huwa ta’ sodisfazzjon kbir u ta’ unur li naraw lil dan it-tenur żagħżugħ ikompli jiffjorixxi u jxerred isem pajjiżna fl-aqwa teatri madwar id-dinja. Huwa tenur b’talent kbir li llum huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa li għandna madwar id-dinja. Minn qalbna nixtiequ nifirħu u nawguraw aktar suċċessi lit-tenur Joseph Calleja u nittamaw li ma jdumx ma jerġa’ jkun fostna għal produzzjonijiet futuri.