Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LIL MONS. ANTON BORG

Is-Socjetà Filarmonika La Stella tilqa’ b’sodisfazzjoni u tingħaqad mal-komunità parrokkjali tal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri fil-ferħ tal-ħatra ta’ Mons. Anton Borg, saċerdot mill-Belt Victoria, bħala Vigarju Parrokkjali tal-Bażilika Ġorġjana.

Monsinjur Borg kien ordnat saċerdot nhar l-24 ta’ Ġunju 1972 u wara studja fl-Università Gregorjana ta’ Ruma fejn kiseb il-liċenzjat fit-Teoloġija Morali u l-Filosofija. F’dawn l-aħħar tletin sena wettaq ħidma fejjieda fi ħdan il-Moviment ta’ Kana li hu mmexxi minn Dun Ġorġ Borg, ħu Dun Anton u membru tal-presbiterium parrokkjali ta’ San Ġorġ. Fost ħidmiet oħrajn Mons. Anton Borg serva bħala direttur ta’ l-Oratorju Don Bosco u għadu sal-ġurnata tal-lum lecturer fis-Seminarju Maġġuri u dak Minuri.

Matul dawn is-snin kollha bħala membru tal-presibterium parrokkjali ikkollabora fil-ħidmiet pastorali ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ.

Mons. Anton Borg ser jingħaqad ma’ Mons. Feliċ Tabone fil-ħidmiet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ immexxija mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona. Is-Socjetà Filarmonika La Stella ssellem lil dawn kollha u lil oħrajn li jikkollaboraw fil-missjoni tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, parroċċa li fiha s-Socjetà Filarmonika La Stella tagħraf l-għeruq u l-identità u f’dan id-dawl l-ħarsien bla mittiefes ta’ dan kollu hu wieħed mill-iskopijiet prinċipali tagħha.