Join Us On:

News Archive

NIDĦLU FIX-XAHAR TAL-FESTA

Bdejna x-xahar ta’ Lulju, u allura x-xahar tal-festa tal-patrun ta’ beltna u ta’ ġensna San Ġorġ Megalomartri. Il-preparazzjonijiet għal dan l-akbar avveniment f’beltna ilhom għaddejjin ix-xhur u issa fil-ġranet li ġejjin naraw il-frott ta’ din il-ħidma. L-għaqdiet kollha fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella f’kollaborazzjoni dejjiema mal-parroċċa Ġorġjana wara sena sħiħa ta’ ħidma kontinwa jistennew bl-akbar ħerqa dawn il-ġranet mill-isbaħ ta’ Lulju li fihom bħal dejjem "nifirħu u nferrħu". 

Din hija l-istedina tagħna għall-festa ta’ San Ġorġ li ser niċċelebraw fi ftit tal-ġranet oħra. Is-Soċjeta’ La Stella dejjem imxiet bl-aktar mod eżemplari fl-organizzazzjoni u fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn il-festi kbar. F’dawn il-jiem tant sbieħ ta’ festa, aħna l-Ġorġjani niltaqgħu u nifirħu flimkien. Din hija okkażjoni li fiha nesprimu l-imħabba tagħna lkoll lejn Ġorġi tagħna – okkażjoni li timla lil qlubna b’dak il-ferħ u entużjażmu, li fuq kollox jagħmilna Ġorġjani. Dan huwa l-awgurju tagħna għall-festa ta’ San Ġorġ 2010.

Fil-jiem li ġejjin dan is-sit ser jibqa’ jżommkom aġġornati b’dak kollu li huwa marbut mal-festa ta’ San Ġorġ.