Join Us On:

News Archive

NIDĦLU FIL-ĠIMGĦA TAL-FESTA

L-attivitajiet marbutin mal-festa ta’ beltna, ilhom li bdew proprju mill-14 ta’ Ġunju, meta dakinhar ingħata bidu għall-Victoria International Arts Festival. Issa wasalna proprju fl-aktar ġimgħa importanti tal-festa f’ġieħ San Ġorġ Martri. Illejla ġewwa l-bażilika ta’ beltna ser ikollna serata mużikali eċċezzjonali bis-sehem tal-vjolinista Marcello Canci, it-tenur Leonardo Alaimo, il-korijiet “Laudate Pueri” u l-“Edinburgh University Chamber Choir”, “King’s Junior School and Ely Choristers”, u l-Orkestra Nazzjonali li ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro Joseph Vella. F’dan il-kunċert ser jindaqqu l-Violin Concerto in E Minor ta’ Mendelssohn, kif ukoll is-Sinfonija Nru 3 “The Apocalypse Verses” op 105, kompożizzjoni mill-aqwa ta’ Joseph Vella, ikkummissjonata fl-okkażjoni tal-festi stroardinarji ta¬ċ-ċentinarju Ġorġjan ta’ l-2003. Dan il-kunċert grandjuż ser ikun qed jikkommemora żewġ anniversarji ferm importanti li huma l-10 anniversarju tal-Victoria International Arts Festival, u l-25 anniversarju mill-ordinazzjoni presbiterali ta’ Dun George J. Frendo, li huwa wkoll id-direttur tal-kor tal-bażilika, “Laudate Pueri”.

Intant kollox jinsab lest, biex minn għada nagħtu bidu għall-festi esterni. Il-marċ li ser jiftaħ dawn il-festi, huwa proprju l-marċ li ser tagħmel il-banda ċittadina “La Stella”, wara li tintemm quddiesa minn Mons Salv Borg, Arċipriet Emeritus, fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb li tibda fis-6.00pm. Hekk kif il-banda tasal fi Pjazza San Ġorġ nassistu għall-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa tal-Patrun ta’ gżiritna San Ġorġ Martri. Wara l-ħruġ min-niċċa nistiednu liż-żgħażagħ kollha biex jattendu għal ċelebrazzjoni ta’ xhieda nisranija li ser issir fil-bażilika. Fl-istess jum ser isiru wkoll it-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel, fi triq ir-Repubblika. Dawn it-tiġrijiet li ser isiru għall-ewwel darba filgħaxija, taħt dawl artifiċjali, jibdew eżatt kif tintemm iċ-ċelebrazzjoni tal-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa. It-toroq ta’ beltna jinsabu wkoll armati u mlibbsa bl-isbaħ ilbies tal-festa, biex f’dawn il-jiem li ġejjin jilqgħu fihom spettaklu li beltna tarah biss f’dawn il-ġranet ta’ Lulju. Fil-fatt saret ħidma kbira mill-Għaqda Armar San Ġorġ Martri, fi ħdan is-Soċjetà “La Stella”, li għal sena oħra kompliet iżżid ma’ l-armar lussuż li diġa’ kellna, kif ukoll tirrestawra armar ieħor. Fil-jiem li ġejjin, sejrin nagħtu ħarsa dettaljata lejn il-proġetti ġodda li saru minn din l-Għaqda, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ.

Nistednukom iżżommu kuntatt magħna, u anke mal-website tal-parroċċa www.stgeorge.org.mt għal aktar aġġornamenti mill-festa prinċipali ta’ gżiritna. Għal dawk il-persuni li ma jistgħux jingħaqdu magħna f’dawn il-jiem ta’ festa nistednuhom jisimgħu l-funzjonijiet mill-bażilika, kif ukoll kollegamenti waqt il-festi esterni, permezz tar-radju tal-parroċċa ‘Leħen il-belt Victoria – 104 FM’. Il-website tar-radju tal-kommunità tista’ tintlaħaq ukoll mill-website tagħna, billi tidħlu fis-sezzjoni ‘Links’.

ritratti: Joe Attard