Join Us On:

News Archive

NIDĦLU FIL-ĠIMGĦA TAL-FESTA

Waslet sa fl-aħħar il-ġimgħa tant mistennija minna r-Rabtin – il-ġimgħa tal-festa prinċipali tal-gżira Għawdxija – il-festa tal-patrun tad-djoċesi u ta’ beltna San Ġorġ Megalomartri. Il-festi f’ġieħ il-Kbir tal-Martri ilhom li bdew mit-8 ta’ Ġunju bil-ftuħ tal-Victoria International Arts Festival 2008, fil-maqdes prinċipali ta’ gżiritna. Ta’ kull sena gżiritna tiċċelebra dawn il-festi bil-kbir, u żgur mhux b’inqas din is-sena meta qed infakkru l-ħamsin anniversarju meta l-knisja ‘omm’ ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ bażilika.

Il-ġimgħa tiftaħ b’kunċert grandjuż ġewwa l-bażilika bis-sehem tal-kor residenti ‘Laudate Pueri’, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, u l-vjolinċellista Daniel Veis mir-Repubblika Ċeka, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella. Dan il-kunċert ser ikun qed jagħlaq il-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival, festival li kif semmejna aktar qabel beda fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju u fih kellna xejn inqas minn 32 kunċert.

Minbarra dan il-kunċert, illejla wkoll ser ikollna t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem li għat-tieni sena konsekuttiva ser isiru filgħaxija. Wara s-suċċess enormi tas-sena li għaddiet, din is-sena reġa’ ġie deċiż li t-tiġrijiet jerġgħu jsiru filgħaxija taħt dawl artifiċjali bl-użu wkoll ta’ diversi ‘big screens’ biex id-dilettanti numerużi jkunu jistgħu jsegwu tajjeb minn kull parti ta’ triq ir-Repubblika. Mistennija folol kbar għal dawn it-tiġrijiet, u għalhekk l-organizzaturi jinsabu preparati ferm tajjeb biex dan l-avveniment fil-festa tagħna jerġa’ jkun suċċess.

Tul il-ġimgħa sħiħa ta’ festi f’beltna, dan is-sit ser iżommkom aġġornati regolarment b’diversi kummenti u ritratti. M’hemmx dubju li anke s-sena 2008 ser tibqa’ mfakkra għall-festi kbar li beltna ser tiċċelebra f’ġieħ San Ġorġ. Għajnejn il-Maltin u l-Għawdxin ser ikunu fuqna, u aħna bħal dejjem mhux ser niddiżappuntaw – ser nifirħu u nferrħu lil kull min ser jingħaqad magħna, ser inkunu għal darb’oħra eżemplari u fl-istess waqt uniċi; ser niċċelebraw festa li tassew tixraq lill-patrun ta’ beltna u ta’ gżiritna. Nawgurawlkom ilkoll il-festa t-tajba!

14/07/2008