Join Us On:

News Archive

NABUCCO FIT-TEATRU ASTRA – SKEMA GĦALL-ISTUDENTI

nabucco banner

Bħalma għamlet f’dawn l-aħħar snin, id-direzzjoni tat-Teatru Astra f’Għawdex għal darba oħra qed tniedi skema speċjali li permezz tagħha ser tkun qed toffri lill-istudenti skont sostanzjali fuq il-biljetti ta’ l-opra għall-ewwel rapprezentazzjoni tagħha, jiġifieri dik tal-Ħamis 23 ta’ Ottubru 2014, li tibda fis-7.30pm.

L-opra lirika li ntgħazlet biex tittella’ din is-sena hija n-Nabucco tal-kompozitur ċelebri Giuseppe Verdi li s-sena li għaddiet id-dinja kulturali fakkret u ċċelebrat it-tieni ċentenarju minn twelidu.  Din l-opra immortali hija fiha nnifisha ċelebrazzjoni ta’ muzika korali, u forsi hija l-aktar magħrufa għas-silta popolari Va Pensiero.

Il-produzzjoni ta’ l-opra fit-Teatru Astra tgawdi reputazzjoni mill-aqwa.  F’dawn l-aħħar erbgħa u tletin sena, ċioe’ kemm ilha tittella l-opra lirika f’dan it-teatru, ġew u qed jiġu ingaġġati kantanti internazzjonali ta’ l-ogħla livell, solisti famuzi li normalment insibuhom jieħdu sehem f’opri fl-aqwa teatri mxerrdin madwar l-Ewropa u madwar id-dinja bħal-La Scala ta’ Milan, L’Arena di Verona, Covent Garden, il-Meteropolitan u oħrajn. Fl-opra tat-Teatru Astra l-kast jiġi kkumplimentat minn kor mill-aqwa, xenarju imponenti, kostumi lussuzi u dawl spettakolari.

Huma diversi l-aspetti edukattivi li wieħed jista’ jammira fi produzzjoni ta’ l-opra: l-muzika, l-pittura, l-arkitettura, l-letteratura u, mhux b’inqas, it-teknoloġija.  Dawn l-aspetti huma espressjonijiet ta’ l-arti li, għalkemm huma distinti minn xulxin, jikkumplimentaw lil xulxin biex isawwru dan l-ispettaklu operistiku.

In-numru ta’ biljetti li t-Teatru Astra qed joffri bi skont speċjali ta’ €15 lill-istudenti huwa limitat.  Din hija offerta ideali għal dawk l-istudenti universitarji li qed isegwu korsijiet fil-lingwa, fil-muzika, fl-arti, fit-teatru, fid-disinn, fl-arkitettura jew fit-teknoloġija.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed iċempel fuq +356 79 256 897 jew inkella minn fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt

It-Teatru Astra qed jingħata l-appoġġ tal-fondi pubbliċi permezz ta’ arranġament kulturali mal-Gvern Malti. Imsieħba oħra f’dan il-proġett jinkludu Bank of Valletta, Citadel Insurance, General Softdrinks Co Ltd  u l-Kunsill Lokali tal-Belt’ Victoria.

(Ritratt: Joe Attard)