Join Us On:

News Archive

MUŻIKA TAS-SURMAST VELLA F’PARIĠI

Il-ġimgħa l-oħra, is-surmast Joseph Vella kien Pariġi fejn kien mistieden biex jattendi għall-world premier ta’ żewġ kompożizzjonijiet tiegħu. Dawn huma Taleae op116, kompożizzjoni miktuba għal Trumpet u Marimba, u Fun Fair op120 xogħol miktub għal 3 Trumpets u 4 Timpani. 

Dawn il-biċċiet ġew esegwiti nhar il-Ħamis 22 ta April  f’lokal ferm prestiġjuż: l-Amphitheatre tal-famuża Opera de Bastille ta’ Pariġi, sala li takkomoda 600 persuna.  Il-kunċert kien jinkludi anke xogħlijiet ta’ kompożituri moderni bħal Max Keller, Jerome Keller, Bernard Krol, u Elliott Carter. Iż-żewġ biċċiet mużikali tas-surmast Vella ġew milqugħa tajjeb ferm mill-udjenza ferm numeruża preżenti għall-okkażjoni, u wara l-esekuzzjoni is-surmast gie mgħajjat diversi drabi għall-applaws.

Fost il-pubbliku distint kien hemm ukoll l-E.T. l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Franza, Dr Mark Miggiani u s-sinjura tiegħu. Repeat performances ta’ Taleae u  ta’ Fun Fair huma ġa skedati għal Pariġi (27 ta Mejju) u fit-Theatre de la Piscine ġo Chatenay Malabry. Din hija t-tieni darba li s-surmast Vella kellu world premier ta’ mużika tiegħu  ġol-Opera de Bastille. Fid-29 ta Marzu 2007  xogħol iehor tiegħu: Duetting op 110, ġie esegwit għall-ewwel darba hemmhekk ukoll, dak in-nhar fl-istudio tal-opera house.